il-qrar għalina ż-Żgħażagħ

28
1 tal-Qrar għalina ż-żgħagħ is-sagrament

Upload: alan-bonello

Post on 23-Mar-2016

248 views

Category:

Documents


5 download

DESCRIPTION

Dokument maħruġ mill-KDŻ

TRANSCRIPT

Page 1: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

1

tal-Qrargħalina ż-żgħażagħ

is-sagrament

Page 2: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

Daħla

Introduzzjoni

L-AnimazzjoniIs-Sagrament tal-Fejqan

Il-Midneb Quddiem is-Sagrament tal-Pernitenza u Rikonċiljazzjoni

Is-Saċerdot u s-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni

Gwida għal min se jqerr

IdeatGwida għaċ-Ċelebrazzjoni Penitenzjali

Gwida għas-Saċerdot

Gwida għall-Parroċċi

Gwida għall-Għaqdiet

Xi punti oħra li jistgħu jgħinu

werrej3

5

8

12

1314

19212325

26

Page 3: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

3

DahlaGħeżież Saċerdoti, Youth Leaders, u Operaturi Pastorali

fil-ħidma mal-Adolexxenti u Żgħażagħ

Bi pjaċir qegħdin nwasslulkom dan d-dokument dwar ‘Qrara Żgħażugħa’. Dokument li ħa ħafna żmien biex nħema minn ħafna nies ġenerużi li jagħrfu lkoll din l-esperjenza ċentrali fil-fidi tagħna. Għal diversi raġunijiet, dan s-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni tilef ħafna mil-vibra tiegħu speċjalment fost l-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Dan d-dokument ħareġ mill-esperjenza taż-żgħażagħ u oħrajn, tas-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni, li jkabbar dik l-liberta’ tant mfittxiha mill-istess żgħażagħ. Il-libertà, ta’ min iħoss li minkejja midneb, jagħraf r-responsabilita, jindem u jagħraf lilu nnifsu maħbub minn dak li qed jistennih biex jilqgħu kif inhu, waqt li jisfidaħ jagħmel pass ieħor fil-mixja spiritwali tiegħu.

Bħal kull tappa fil-ħajja tal-fidi, huwa neċessarju li ta’ dan s-Sagrament l-ewwel nagħmlu esperjenza tiegħu aħna, bħala Operaturi Pastorali, sabiex nagħrfu ngħadduha lil ta’ madwarna. Kemm jekk bħala saċerdoti, kemm jekk bħala lajċi, l-immaġini tal-Wounded Healer li jippreżentalna Henri J.M. Nouwen, tħeġġiġna biex b’umilta imma b’konvinzzjoni noffru liż-żgħażagħ esperjenza akkumpanjata u spjegata tajjeb li tressaq għal dan s-Sagrament. Biex nagħmlu dan, tajjeb li kemm fil-Parroċċi kif ukoll fil-gruppi u movimenti nagħmlu esperjenzi ta’ ċelebrazzjonijiet penitenzjali u tas-Sagrament dejjem iktar disponibbli.

Page 4: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

4

Dan d-dokument għandu żewġ taqsimiet prinċipali li jinkludu L-Amministrazzjoni tas-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar) u Idejat għal Ċelebrazzjonijiet Penitenzjali. Attenzjoni speċjali hija mogħtija lir-rwol tas-Saċerdot u l-Operatur Pastorali biex jinħoloq ambjent adattat għall-Qrar.

Inħeġġukom biex ssibu opportunitajiet fix-xhur li ġejjin biex bħala Knisja Żgħażugħa nkunu qed nagħtu attenzjoni partikolari għal dan s-Sagrament.

L-esperjenza pożittiva ta’ kollaborazzjoni bejn l-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, il-Kummissjoni Kateketika, il-Kummissjoni Teoloġika u l-Kummissjoni Liturġija wasslet għal kitba ta’ dan d-dokument li nħadem bl-għajnuna wkoll ta’ bosta żgħażagħ, saċerdoti u Youth Leaders.

Il-ħidma t-tajba lilkom u żommuna dejjem disponibbli li naħdmu magħkom f’din l-ħidma tant għażiża għalina bħala Knisja.

Anthony MifsudPresident - Kummissjoni Djoċesana ŻgħaŻagħ

Page 5: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

5

introduzzjoniF’dawn l-aħħar snin ilu jinħass il-bżonn ta’ linji gwida għas-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar), b’mod partikulari b’direzzjoni ċara għall-adolexxenti u żgħażagħ. F’dawn il-linji gwida ser jingħataw bosta għajnuniet biex wieħed jorganizza ċelebrazzjoni penitenzjali li twassal għas-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni li fih jinkludi l-istqarrija tal-ħtijiet: qrara tajba. Fuq kollox l-enfasi trid tkun fuq kif ser ngħinu lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ jersqu b’mod tajjeb għal dan is-Sagrament, bl-indiema meħtieġa lejn l-istqarrija tad-dnubiet.

L-iktar mod li jgħin lil individwu jagħraf malajr id-dnubiet, huwa meta jqis u jifhem id-daqs, l-għoli, l-fond u l-firxa kbira tal-imħabba ta’ Alla b’mod personali, fl-istorja unika ta’ kull bniedem, u fil-vjaġġ uniku tal-fidi. Quddiem din l-imħabba infinita` mimlija ħniena u maħfra, u quddiem il-fatt li kollha kemm aħna midinbin u għandna x’jinħafrilna, naslu biex nindunaw kemm hija fqira r-risposta tagħna bil-ħsieb, bil-kliem u bil-għemil fil-ħajja tagħna. F’din ir-risposta fqira tagħna nindunaw bin-nuqqasijiet, dnubiet u l-livell ta’ ħtija, li għalihom rridu nitolbu maħfra bla tidwir bil-kliem u b’sinċerita` quddiem is-saċerdot li jirrappreżenta kemm lil Ġesù fis-Sagrament tal-Qrar, u anke lill-komunità nisranija.

Quddiem ir-rejaltà tal-lum, tajjeb li wieħed jagħmel id-distinzjoni bejn is-Sagrament tal-Qrar u l-counselling. Filwaqt li s-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar) juri u jwassal l-imħabba ta’ Alla fil-ħniena u l-maħfra permezz tas-saċerdot, fil-counselling tingħata ħafna għajnuna biex wieħed

Page 6: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

6

jifhem lilu nnifsu u jgħix aħjar l-esperjenzi diversi tal-ħajja, imma ma jkunx hemm il-maħfra tad-dnubiet. Ma’ dan wieħed iżid il-fatt li min qed jagħti l-counselling (speċjalment jekk mhux nisrani fil-mixja tal-fidi, u mhux imħarreġ sew fit-Teoloġija u t-Tagħlim tal-Knisja) irid joqgħod attent li ma jidħolx fil-qasam tal-morali u l-ispiritwalita`, b’riskju li jingħataw risposti żbaljati, jew idejat nieqsa mit-tagħrif sħiħ u meħtieġ.

Distinzjoni oħra importanti hija bejn l-istqarrija tal-ħtijiet fis-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni u d-direzzjoni spiritwali. Hekk kif diġa semmejna li fis-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar) titwassal l-imħabba, l-ħniena u l-maħfra ta’ Alla, fid-direzzjoni spiritwali naraw iktar il-mixja tal-fidi permezz tat-talb, skond iċ-ċirkustanzi u l-esperjenzi spiritwali li l-persuna tkun għaddejja minnhom. Minn hawn joħroġ iktar l-akkumpanjament spiritwali fejn wieħed isegwi u jgħin liż-żagħżugħ/a fil-mixja tal-fidi, fir-relazzjoni ma’ Alla u fir-relazzjoni tiegħu mal-proxxmu, li tinkludi wkoll il-persuna nnifisha li timxi dan il-vjaġġ bħala pellegrin.

Dan l-akkumpanjament jeżisti wkoll meta fil-counselling isiru sensiela ta’ sessjonijiet. U fuq dan ukoll tajjeb li nagħmlu d-distinzjoni ċara bejn counselling u direzzjoni spiritwali. Id-direzzjoni spiritwali tinkludi aspetti tal-bniedem li għandhom jiġu trattati fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u tal-ħajja spiritwali taż-żagħżugħ/a, filwaqt li l-counselling ma għandux jinkludi l-aspett spiritwali mingħajr il-kompetenza meħtieġa tal-counselor. Anke meta l-persuna tkun imħarrġa sew kemm fil-counselling u anke fid-direzzjoni spiritwali, huwa dejjem suġġerit li dawn jibqgħu distinti minn xulxin u ma jitħalltux flimkien fl-istess sessjoni. L-istess distinzjoni u spazju għandu jingħata bejn is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar) u d-direzzjoni spiritwali.

Dawn il-linji gwida huma maħsuba sabiex ikunu ta’ inkuraġġiment li naħdmu flimkien fuq l-aspett ċelebrattiv tas-Sagrament. Hekk jinħass u jitkattar il-ferħ nisrani f’ċelebrazzjoni komunitarja. Wara kollox, dan is-sagrament, li joffri fejqan u ferħ spiritwali lill-individwu, jinħass u jiġi ċċelebrat min-nisrani fil-mixja tal-fidi bl-imġieba tiegħu fost il-komunita`.

Fr Marco Portellidirettur sPiritwali - Kummissjoni Djoċesana ŻgħaŻagħ

Page 7: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

7

l-animazzjonitas-sagrament tal-Penitenza u rikonċiljazzjoni

Page 8: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

8

Is-Sagrament tal-Penitenza u r-Rikonċiljazzjoni – Qrar

is-Sagrament tal-Fejqan“Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.” (Ġw 8,32-33)

Forsi l-inqas Sagrament popolari fost iż-żgħażagħ u li ħafna jagħżlu li ma jiffrekwentawx regolarment hu propju s-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar). Ħafna jsibu diffikulta`, oħrajn m’humiex ċerti x’għandhom iqerru, waqt li oħrajn ma jifhmux għala għandhom imorru għand saċerdot għall-maħfra tad-dnubiet minflok direttament għand Alla. Jista’ jagħti l-każ ukoll li xi żgħażagħ huma bierda għan-nuqqasijiet u d-dnubiet li jagħmlu, hekk li jħossuhom indifferenti lejn dak li hu fil-verita` ħażin.

San Pawl, f’vers magħruf mill-ittra lir-Rumani, jiddeskrivi d-dnub preċiżament b’dan il-mod: “il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla” (Rum 3,24). Il-glorja ta’ Alla, l-imħabba perfetta tiegħu, hi l-mira tagħna, u meta nitilfu din il-mira, naqgħu fid-dnub. Mod ieħor kif niddeskrivu d-dnub hu li nħarsu lejh bħala dak li jifred il-bniedem minn Alla. Id-dnub hu l-użu ħażin tal-libertà: Alla ħalaqna liberi; bil-kapaċita` li nagħżlu t-tajjeb. Jiġri li l-bniedem ma jħaddimx tajjeb din il-liberta` fl-għażliet tiegħu. Id-dnub jwassal biex jifridna milli nħobbu lil Alla li ħalaqna, lill-persuni ta’ madwarna, u lilna nfusna.

1) It-tagħlIm ta’ Ġesu` KrIstu joffrI ħelsIen mId-dnubJista’ jagħti l-każ li fil-fond ta’ qalbu ż-żagħżugħ iħoss xi jgħidlu: “ma rridx immur inqerr” jew “mhux illum, imma il-ġimgħa d-dieħla.” Din mhijiex taqbida għaż-żgħażagħ biss; hi komuni għal kull min jixtieq jistqarr d-dnub tiegħu. Għaliex fir-rejaltà il-mistħija li wieħed jistqarr d-dnub tiegħu toħroġ bil-qawwi wara li jkun dineb u mhux qabel. Hi din il-mistħija li twassal il-persuna biex tipposponi jew saħansitra ma tmurx tqerr. Li titkellem b’mod miftuħ dwar dnubietek mhi ħaġa faċli xejn għax tikxef dak li hu dgħajjef fik. Minkejja dan, is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni jgħin lil kull wieħed minna (inkluż iż-żgħażagħ) biex nesperjenzaw id-dawl tal-verità tat-tagħlim ta’ Kristu u l-maħfra li tiġi minnu permezz tas-saċerdot fis-Sagrament tal-Qrar. Għaż-żgħażagħ hi esperjenza ta’ ħelsien mill-ħtija. Dwar dan San Ġwann jikteb hekk: “Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl Hu stess, aħna nissieħbu flimkien, u d-demm ta’ Ġesù Kristu

Page 9: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

9

Ibnu jnaddafna minn kull dnub. Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen” (1 Ġw 1, 7-9).

2) Is-sagrament tal-PenItenza u rIKonċIljazzjonI u r-resPonsabIlItÀ sħIħaIs-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni jgħin liż-żgħażagħ jagħrfu, iħossuhom u jgħixu f’responsabilta` nisranija għall-ħsibijiethom, kliemhom, għemilhom u ħajjjithom fid-dawl li huma membri ta’ komunita`, ta’ soċjeta`. Dan is-Sagrament jgħinhom jaraw li mhumiex individwi iżolati imma membri tal-ġisem ta’ Kristu u l-familja umana. Dnubhom iweġġa’ dan il-ġisem u jattakka l-integrità tal-oħrajn. Is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni jemfasizza n-natura komunitarja tad-dnub u r-rikonċiljazzjoni.

3) Is-sagrament tal-PenItenza u rIKonċIljazzjonI u l-qawwa tal-IsPIrtu s-santuFis-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni Kristu jsawwab l-Ispirtu s-Santu fuq iż-żgħażagħ u jsaħħaħhom biex jgħixu ħajja qaddisa. Fl-ittra tiegħu, Ġwanni jindirizza liż-żgħażagħ u jgħidilhom: “Qiegħed nikteb lilkom, żgħażagħ, għax intom għelibtu l-Ħażin... Ktibt lilkom, żgħażagħ, għax intom qawwija u l-Kelma ta’ Alla qiegħda tgħammar fikom u intom għelibtu l-Ħażin” (1 Ġw 3, 13-14). Permezz ta’ Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, iż-żgħażugħ/a jistgħu jegħlbu l-qawwa tad-dnub f’ħajjithom. Waqt is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni, meta ż-żgħażugħ ikun qed jistqarr d-dnub tiegħu, l-iSpirtu ta’ Alla jeħlishom minn din il-ħtija u jagħtihom sens qawwi ta’ paċi fil-qalb.

4) bIs-sagrament tal-PenItenza u rIKonċIljazzjonI, u l-Kelma ta’ allaBis-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni ż-żgħażagħ, b’mod dirett jew indirett, jorjentaw ħajjithom għall-Kelma ta’ Alla. Fil-qrar iż-żagħżugħ jgħid: “Jiena rrid li mmur kontra d-dnub tiegħi. Irrid nistinka għal darba oħra biex ngħix skont dak li jrid minni Alla. Irrid nimxi fit-tagħlim li joħroġ mill-Kelma ta’ Alla. Nixtieq li l-qawwa u l-ħajja ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu tkun attiva f’ħajti wkoll”. Naturalment, iż-żagħżugħ, bħal kull persuna oħra, jista’ jaqa’ u jerġa’ jiżbalja. Din ir-rejalta` m’għandiex tiskoraġixxi liż-żgħażagħ milli jmorru jqerru. Importanti li jippruvaw kemm jistgħu biex ma jaqghux fid-dnub,

Page 10: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

10

imma jekk sforz il-fraġilita` tagħhom jaqgħu, għandhom bl-akbar umilta` u sinċerita` jerġgħu jersqu lejn Ġesu` permezz tas-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni.

Fid-dawl ta’ dawn l-erba’ modi: ħelsien mid-dnub, responsabilita` sħiħa, l-qawwa tal-iSpirtu s-Santu, u l-Kelma ta’ Alla, ta’ kif Kristu jferra’ l-imħabba tiegħu fil-qrar, tajjeb li fid-dinja tal-lum ikun hemm ri-skoperta tat-tifsira tas-sagrament. Dan jitlob: • Katekeżi mġedda fuq dan is-sagrament • Esperjenzi pożittivi taċ-ċelebrazzjoni tiegħu

Iż-żmien li qed ngħixu fih iġiegħlna, flimkien maż-żgħażagħ u l-adolexxenti, nistaqsu x’inhi l-validità tal-qrar fil-ħajja nisranija. Dawn il-proposti li jsegwu jħarsu lejn il-qrar bħala sagrament distint, għalkemm mhux separat, miċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Il-bżonn tal-qrar mhuwiex biss biex wieħed “ikun jista’ jitqarben” imma għax dan is-sagrament jagħti ħajja ġdida lin-nisrani fil-mixja ta’ fidi, liema mixja irid jaqsamha ma’ ħutu fil-komunita`.

Dan id-dokument joffri proposti kif il-katekeżi u l-esperjenzi pożittivi jistgħu jiġu mwaħħdin biex dan is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni jista’ jiġi skoprut aħjar mill-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Fil-fehma tagħna, dan it-tiġdid fis-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni, mhux intenzjonat biex ikun hawn iżjed żgħażagħ li jqerru, imma biex ikun hawn żgħażagħ li jqerru aħjar – biex dan is-sagrament isir wieħed aktar sinjifikanti u r-relevanza tiegħu mal-bqija tal-ħajja nisranija tkun tinħass. 

Jekk l-Ewkaristija hija ċelebrazzjoni tal-komunità nisranija, is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni huwa ċ-ċelebrazzjoni ta’ l-intimità bejn Alla u l-individwu, u l-komunita`. F’dan is-sagrament irridu nagħtu importanza lil dak kollu li jifforma l-karattru tal-persuna li qed tersaq għas-sagrament.

Page 11: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

11

Page 12: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

12

Il-Midneb Quddiem is-Sagramenttal-Penitenza u RikonċiljazzjoniNistgħu nifhmu aħjar xi jfisser is-Sagrament tar-Rikonċiljazzoni (Qrar) minn kif Ġesu` kien iġib ruħu mal-midinbin u ma’ dawk li kienu jmorru għandu jfittxu serħan għal qlubhom. Insibu ħafna laqgħat bħal dawn: Ġesù u Żakkew, Ġesù u l-adultera li riedu jħaġġruha, Ġesù u l-midinba li marret tfittxu għand Xmun il-Fariżew; fuq is-salib, insibu lil Ġesù jaħfer lill-umanita` li sallbitu, għaliex ma kienux jafu x’inhuma jagħmlu.

Ġesù tant kien jifhem bis-sħiħ lill-midneb, li ta’ madwaru kienu jitħawdu u jeħduha kontrih. Ġesu` ma ġiex biex jikkundanna d-dinja, imma biex bih hija ssalva. Bħat-tabib li xogħlu mal-morda (Mt 9, 12), huwa kienu jinteressawh il-midinbin u mhux dawk li jaħsbu li kienu nies tajba, bla dnub.

Il-qrar allura huwa s-Sagrament li jurina b’mod mill-aktar ċar din l-attitudni ta’ Ġesù lejn min ikun żbalja: il-maħfra ta’ Alla hija ħafna qrib tagħna, dejjem hemm, tistenniena. Immorru għandu bħala midinbin u flok il-kundanna li spiss inkunu qed nistennew, insibu dejjem il-maħfra.

Il-qrar huwa ħafna aktar milli wieħed jiżvojta l-ixkora tad-dnubiet tiegħu: huwa fuq kollox laqgħa ma’ Ġesù li huwa s-salvatur tiegħna; Ġesù li mhux biss jaħfrilna d-dnubiet tiegħna, imma li jgħidilna, Qum u imxi (Mt 9, 5), Lanqas jien ma nikkundannak... mur u mil-lum ‘il quddiem tidnibx iżjed (Gw 8, 11), Irrid niġi għandek illum (Lq 19, 5), Illum tkun il-ġenna miegħi (Lq 23, 43). Dan kollu sar frott l-umilta`, l-istqarrija u l-indiema li dawn in-nies ġarbu, u li Ġesu` ra’ fil-qalb tagħhom.

Il-qrar minbarra li jaħfer, ifejjaq il-ġrieħi tal-qalb tagħna, u jagħmlilna kuraġġ biex ma nħarsux biss lejn id-dnubiet tagħna imma nħarsu wkoll lejn it-tajjeb li nagħmlu, lejn ix-xewqa li nkunu persuni aħjar. Il-qrar jagħtina l-maħfra u s-saħħa biex inkunu nistgħu niffaċċjaw d-dgħufijiet tagħna b’aktar kuraġġ.

Page 13: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

13

Imma għaliex inqerru għand is-saċerdot?Mhux biżżejjed nitlob maħfra waħdi lil Ġesù?

Is-Saċerdot u s-Sagramenttal-Penitenza u RikonċiljazzjoniAlla biss jista’ jaħfer id-dnubiet (ara Mk 2,7). Għaliex Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, qal għalih innifsu: “Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art” (Mk 2, 10) u għamel użu minn din is-setgħa tiegħu ta’ Alla: “Dnubietek maħfura!” (Mk 2, 5; Lq 7, 48). Barra minn hekk, minħabba l-awtorità tiegħu ta’ Alla, hu jista’ wkoll jagħti din is-setgħa lill-bnedmin (ara Ġw 20, 21-23) biex jużawha f’ismu. Fil-Knisja Kattolika dan jista’ jsir biss mis-saċerdot u f’każijiet speċjali dan huwa riżervat għall-Isqfijiet jew saħansitra l-Papa biss.

Bħala suċċessuri tal-Appostli, l-isqfijiet u s-saċerdoti kollaboraturi tagħhom, bis-saħħa tas-sagrament tal-Ordni Sagri, għandhom għaldaqstant is-setgħa li jaħfru d-dnubiet u għalhekk li s-saċerdot jgħid “Jiena naħfirlek fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Is-saċerdot, huwa u jiċċelebra s-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar), ikun jaqdi l-ministeru tar-Ragħaj it-tajjeb li jfittex in-nagħġa mitlufa (Mt 8, 12-14; Lq 15, 3-7), tas-Samaritan it-tajjeb li jdewwi l-ġerħat (Lq 10, 25-37), tal-Missier li jistenna l-iben il-ħali jerġa’ lura ħa jilqgħu fi ħdanu (Lq 15, 11-32). F’kelma waħda, is-saċerdot hu sinjal u strument tal-imħabba kollha ħniena ta’ Alla għall-midneb. Il-konfessur mhux is-sid imma l-qaddej tal-maħfra ta’ Alla.

Is-saċerdot jaħfer in persona Christi u bl-awtorita` tal-Knisja. Is-saċerdot jgħinek ittemm l-eżami tal-kuxjenza biex tifhem aħjar lilek innifsek u s-sitwazzjoni tal-ħajja li fuqha tkun qed titlob maħfra. Fuq kollox bl-għajnuna tas-saċerdot mhux biss tinduna aħjar b’dak li huwa “dnub”, imma tara wkoll kemm hija gravi l-“ħtija” tiegħek fiċ-ċirkustanzi, li tista tvarja minn bniedem għall-ieħor, jew minn avveniment għall-ieħor. Permezz tas-saċerdot il-Knisja titlob lil Alla li lilek jimliek bil-grazzja biex tinħeles mill-ħtijiet tiegħek; il-grazzja li inti tilqa’, iġġeddek u teħilsek mit-toqol li tkun dħalt fih. Huwa mingħand is-saċerdot, f’isem Ġesù biss, li wieħed jista’ jirċievi l-maħfra ta’ Alla. Jista’ jkun li dawk li jgħidu li jippreferu jirċievu l-maħfra direttament mingħand Alla mingħajr is-saċerdot, ħafna drabi jispiċċaw ma jistqarru xejn minn dnubiethom u qatt ma jkollhom l-esperjenza ta’ fejqan u wisq inqas ta’ ferħ ġenwin!

Page 14: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

14

Gwida għal Min se Jqerr

“Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”(Mk 10,18)

“Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: ‘[...] ejja u imxi warajja’” (Mk 10,22)

PreParazzjonIIs-Sagrament tal-Qrar isir sewwa daqskemm l-individwu jipprepara lilu nnifsu sewwa għalih. Li tistqarr id-dnubiet tiegħek tfisser li wieħed jagħraf u jaċċetta l-fraġilita` personali tiegħu b’esperjenza matura.

Qabel jersaq għal dan is-sagrament, tajjeb li wieħed isib ftit ħin fil-kwiet (10-20 minuta) biex jagħmel riflessjoni tajba, jew aħjar eżami tal-kuxjenza. Dan jibda billi wieħed jitlob lill-Ispirtu s-Santu jgħinu jeżamina sew lilu nnifsu bi preparazzjoni għall-qrar. Tajjeb li wieħed jirrifletti sew, u b’onestà kbira jistaqsi lilu nnifsu x’qed jagħmel f’ħajtu. Fejn u meta hu possibbli jkun tajjeb li wieħed iqerr għand l-istess saċerdot, u b’hekk dan isir il-konfessur tiegħu, u jkun jista jgħin u jsegwi aħjar l-individwu li qed jersaq lejn dan is-Sagrament.

rIt tal-qrar Fil-mument li fih il-penitent jippreżenta ruħu quddiem il-konfessur, is-saċerdot jilqgħu u jinkoraġġih b’imħabba. It-tnejn iroddu s-salib flimkien: Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Page 15: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

15

Page 16: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

16

Il-penitent jista’ jagħżel li jgħid: Ġejt għandek u għand Alla; Inti qiegħed tismagħni minflok Alla.

Is-saċerdot jista’ jaqra silta mill-Bibbja biex jgħin lill-individwu jiddisponi ruħu sew għall-fiduċja ta’ Alla jew jirreferi għall-passaġġ Bibliku.

Jista’ wkoll jgħid dan il-kliem jew ieħor jixbħu:Il-Mulej ikun f’qalbek u f’ruħek biex kollok sogħbien tistqarr dnubietek.

F’dan il-punt wieħed jistqarr dnubietu. Jekk ikun neċessarju, is-saċerdot jista’ jgħin billi jsaqsi mistoqsija u jagħti pariri adattati. Wara li s-saċerdot jisma’ b’attenzjoni, b’responsabilità kbira jipproponi eżerċizzju penitenzjali adatt għas-sitwazzjoni. Il-penitenza li tingħata għandha tesprimi b’mod ċar l-impenn li wieħed għandu jkollu għall-konverżjoni u, sa fejn hu possibbli, jerġa’ jġib s-sitwazzjoni għal dik li kienet qabel ma sar id-dnub jew aħjar. Fl-aħħarnett is-saċerdot jistieden lill-penitent biex jesprimi s-sogħba tiegħu u l-proponiment għal ħajja ġdida permezz ta’ talba li biha Alla l-Missier jaħfer id-dnubiet:

l-att tal-IndIema:Mulejja, Alla tiegħi, jisgħobbija b’qalbi kollha minn dnubieti ta’ ħajti kollha. Jisgħobbija, Mulejja, għall- ġenna li tlift u għall-infern li rbaħt;  imma fuq kollox jisgħobbija għax regħextek u offendejtek, li int kollok tjieba u ħniena.  Inħobbok, Mulejja, inħobbok fuq kollox; mil-lum  ‘il quddiem, bil-għajnuna mqaddsa tiegħek, ma nidnibx qatt u qatt iżjed u la mmur fejn dari nidneb, iżda naħrab ukoll dak kollu li dari  waqqagħni fid-dnub.

Flok din tista’ tingħad il-verżjoni aktar qasira:Mulejja, Alla tiegħi, Inti tħobbni ħafna. Jiddispjaċini talli għidtlek le bi dnubieti. Mil-lum  ‘il quddiem, bil-għajnuna tiegħek, ma nerġax nidneb iżjed; u rrid inħobbok fuq kollox.

Is-saċerdot, wara li l-penitent jispiċċa jgħid l-att ta’ l-indiema jagħti l-assoluzzjoni, b’idu merfugħa fuq il-penitent:Alla, Missier il-ħniena, bil-mewt u l-qawmien ta’ Ibnu għall-ħajja, ħabbeb mill-ġdid id-dinja miegħu, u sawwab fuqna l-Ispirtu qaddis tiegħu għall-maħfra tad-dnubiet. Hu , bil-ministeru tal-Knisja, jaħfirlek u jagħtik is-

Page 17: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

17

sliem. U jiena naħfirlek dnubietek fl-isem tal-Missier u tal-Iben + u tal-Ispirtu s-SantuIl-penitent iwieġeb: Ammen

Wara s-saċerdot jista’ jtemm r-rit tas-sagrament billi jgħid: Faħħru l-Mulej għaliex hu tajjeb.Il-penitent ikompli: Għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Is-saċerdot ikompli: Il-Mulej ħafirlek dnubietek. Mur fil-sliem.

Il-penitent iwieġeb: Inroddu ħajr lil AllaWara l-qrar il-penitent għandu jara li jwettaq il-penitenza bl-aħjar mod possibbli, u li tkun tiswielu biex jirrepara għall-konsegwenzi tal-iżbalji li jkunu saru, waqt li jsaħħaħ ukoll it-tajjeb li jkun irnexxielu jwettaq biex itejjeb il-ħajja tiegħu.

Page 18: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

18

ideatgħall-Ċelebrazzjonijiet Penitenzjali

Page 19: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

19

Gwida għaċ-Ċelebrazzjoni Penitenzjali“Reġġagħna għal li konna, Alla ta’ l-eżerċti; itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi” (Salm 80,4)

Iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali tiġbor lill-komunita` flimkien, u toffri ambjent ta’ talb, ħin ta’ riflessjoni permezz ta’ siltiet mill-Kelma ta’ Alla li jgħinu fil-preparazzjoni u eventwalment l-istqarrija tad-dnubiet fis-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni li jsir b’mod privat u individwali. B’hekk fiċ-ċelebrazzjoni penitenzjali is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni jiġi ċċelebrat b’ċelebrazzjoni komunitarja, li fiha kulħadd flimkien iħejji ruħu għall-qrar, issir l-istqarrija individwali u b’mod privat, biex wara kulħadd flimkien irodd ħajr lil Alla għall-maħfra li tinkiseb. F’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet il-qrara personali u l-assoluzzjoni individwali ta’ kull persuna li tieħu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni, isiru fil-kuntest usa’ tal-komunità li flimkien tisma’ l-Kelma ta’

Page 20: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

20

Alla, teżamina lilha nnifisha b’eżami ta’ kuxjenza, b’talba komunitarja għall-maħfra, bit-talba tal-Missierna u radd ta’ ħajr komunitarju. Din iċ-ċelebrazzjoni komunitarja turi aħjar u b’mod aktar ċar il-karattru ekkleżjali tas-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar). Bħal kull sagrament ieħor, min-natura tiegħu huwa parti mill-liturġija, u għaldaqstant hu sagrament pubbliku, u jinvolvi l-Knisja kollha kemm hi. Dan għaliex kull forma ta’ dnub, anke l-aktar wieħed sigriet u personali, jolqot lill-Knisja kollha kemm hi, la darba kull wieħed minna jagħmel parti mill-Ġisem ta’ Kristu. Għal dan il-għan huwa ferm importanti li jkollna dejjem informazzjoni u formazzjoni dwar is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar), iktar milli nintilfu fuq dak li jista’ jiġbed lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ għal dan is-Sagrament.

a. Tajjeb li wieħed jagħmel dan is-sagrament iktar faċli mingħajr ma jitlef il-valur kbir ta’ dan is-sagrament. Il-qrar ibeżża’ lil ħafna żgħażagħ (u anke adulti!). Għaldaqstant hu importanti li wieħed joħloq ambjent li jħajjar il-parteċipazzjoni u joħloq fiduċja. Għal xi żgħażagħ hi kwistjoni ta’ nuqqas ta’ għarfien: sempliċiment ma jifhmux it-teoloġija wara s-sagrament. Tajjeb li wieħed jinkludi xi tip ta’ katekeżi għalihom, u dan jista’ jsir bl-aktar mod divertenti possibbli permezz tal-użu ta’ xi skeċċ satiriku u ta’ xi preżentazzjonijiet oħra.

b. Tajjeb li jinħoloq ambjent ta’ talb. Biex isir dan, wieħed jista’ jagħmel diversi affarijiet biex ikun hemm ambjent komdu u ta’ ġabra, bħal dekorazzjonijiet sempliċi, pjanti, xemgħat u mużika, biex jgħinu liż-żgħażagħ jirriflettu, jagħmlu esperjenza ta’ Alla mħabba, u jersqu aħjar lejn is-Sagrament tal-Qrar.

c. Jista’ jagħti l-każ li xi żgħażagħ jiddejqu jqerru wiċċ imb’wiċċ mas-saċerdot. Għal din ir-raġuni wieħed għandu jipprovdi dejjem il-possibilta` tal-qrar fil-konfessinarju.

d. Il-mużika hi importanti ferm. Għandha tintagħżel mużika b’lirika li taqbel mat-tema tar-rikonċiljazzjoni u persuna li tanima sewwa l-ħin tat-talb.

e. Tajjeb li wieħed jagħti xi għażla għal wara l-qrar. Tajjeb li wara l-qrar u l-penitenza, ikun hemm xi tip ta’ prayer team li jgħinu lill-individwu jitlob wara l-qrar.

Page 21: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

21

f. L-għeluq hu daqstant importanti daqs il-bidu. La darba l-maġġoranza tal-parteċipanti jkunu marru għall-qrar, wieħed jista’ jikkonsidra li jinkludi xi testimonjanza ta’ xi żagħżugħ/a tal-esperjenza ta’ ħelsien li jiġi minn dan is-sagrament. Fl-aħħar il-ministri tal-mużika tajjeb li jagħlqu ċ-ċelebrazzjoni b’xi kant ta’ tifħir.

g. Tajjeb li jkun hemm numru sabiħ ta’ saċerdoti. Minn aspett prattiku, aktar ma jkun hemm saċerdoti, anqas idumu biex kulħadd jipparteċipa fis-sagrament. Barra minn hekk dawn is-saċerdoti ikunu ta’ xhieda tajba għaż-żgħażagħ li qed jiġu u jissupportjawhom f’dan is-sagrament.

Gwida għas-Saċerdot

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11, 28)

L-attitudni miftuħa u l-imġieba akkoljenti tas-saċerdot toffri l-aktar spazju importanti biex persuna tkun tista’ tistqarr in-nuqqasijiet tagħha lil Alla permezz tas-saċerdot u fil-preżenza tal-komunità. Waqt ċelebrazzjoni penitenzjali, naturalment il-qrara tibqa’ dejjem privata. Huwa ta’ bżonn kbir li s-saċerdoti juru interess u empatija fit-tiġrib ta’ min jersaq għas-Sagrament: il-konfessur huwa dak li, permezz tal-ordni sagri li huwa rċieva, jilqa’ lill-penitenti fil-poplu ta’ Alla, u irid jiġġudika l-għemil. Jiġġudika l-għemil mingħajr ma jikkundanna lill-penitent. B’hekk l-irwol tas-saċerdot huwa dak ta’ imħallef (judge), u dak li jfejjaq (healer). Għaldaqstant is-saċerdot għandu jagħmel is-Sagrament aktar aċċessibbli u inqas intimidanti għaż-żgħażagħ. Il-prassi sagramentali tas-saċerdot għandha tirriffletti sens ta’ ġenerożità u abbundanza, mhux sens ta’ tqanċiċ. Is-saċerdot għandu jkun miftuħ kompletament għal dawk li jixtiequ jerġgħu jinħabbu ma’ Kristu. Dawn li ġejjin jistgħu ikunu punti li jistgħu jgħinu l-konfessur:

Page 22: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

22

Konfessur tajjeb hu penitent tajjeb: hu faċli ferm li is-saċerdot jinqabad fir-rutina ta’ ħidma u jinsa ‘l Dak li għalih qiegħed jaħdem. Tajjeb li jkun hemm ġurnata fissa fix-xahar (u anke aktar) li fiha wieħed jippjana l-qrara tiegħu. Wisq aktar importanti hu l-kuntatt regolari ma’ direttur spiritwali. Mingħajr dawn l-għajnuniet, is-saċerdot ftit jifdallu x’jagħti l-komunità u għaldaqstant jista’ jinxef malajr minn dak li għalih ġie msejjaħ. Tkun xi ħaġa sabiħa li mhux biss inqerru imma li nuru li qed inqerru. Dan jgħodd b’mod partikolari fis-servizzi penitenzjali. Tajjeb li qabel jibda l-qrar waqt iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali, is-saċerdoti jistgħu jħossuhom fil-liberta` li jqerru għand xulxin, u b’hekk juru li huma wkoll għandhom bżonn jirċievu l-imħabba li tiġi mill-maħfra tal-qrar.

Penitenzi: Ir-riflessjoni li ssegwi l-qrara isservi lill-individwu biex jagħraf aħjar il-misteru ta’ tiġdid fl-imħabba ta’ Alla, mhux biex jikkastigah ta’ dak li jkun għamel. Ninkuraġixxu lis-saċerdoti biex jużaw dawn l-ispazji ta’ riflessjoni biex jgħinu lill-penitenti jiskopru aħjar il-preżenza ta’ Alla, b’mod speċjali fl-iskrittura. Infakkru wkoll li l-penitenzi għandhom ikunu prattiċi, u li jgħinu verament lill-individwu jirbaħ id-dgħufijiet (weaknesses) bit-tajjeb (strengths) li jkun hemm fih/a.

network ta’ konfessuri: Il-konfessuri għandhom bżonn li jiddjalogaw, li jiġu flimkien biex jikbru flimkien fil-ministeru tagħhom. Għalhekk din il-proposta tissuġġerixxi li jinbena network ta’ saċerdoti li jagħtu attenzjoni speċjali lill-qrar taż-żgħażagħ u adolexxenti, biex joffru lil xulxin formazzjoni u nkoraġġiment f’dan is-servizz. Għal dan il-għan huwa ferm importanti li jkollna dejjem f’moħħna li nwasslu iktar l-informazzjoni u formazzjoni tal-bżonn tas-Sagrament tal-Qrar, milli nintilfu fuq dak li jista’ jiġbed lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ għal dan is-Sagrament. Tajjeb ukoll li wieħed jgħin lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ biex jagħmlu għażla tajba tas-saċerdot li jmorru jqerru għandu; saċerdot li jista jifhimhom, u kapaċi jgħinhom fil-mixja tal-fidi tagħhom. Importanti li s-saċerdoti jagħmlu lilhom infushom disponibbli għal dan is-Sagrament tal-Qrar, u meta jkollhom każijiet fejn għandu jkun hemm referral, isir b’għaqal kbir u għall-ġid tal-individwu.

Page 23: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

23

Gwida għall-Parroċċi“Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti. Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; naddafni mid-dnub tiegħi” (Salm 51, 3-4)

Tajjeb li jkun hemm postijiet fissi fejn wieħed imur speċifikament biex iqerr. Il-parroċċa tista’ toffri dan l-ispazju. L-ispazju għall-qrar jinkludi żewġ dimensjonijiet: l-ispazju fiżiku, il-kamra għall-qrar; u l-ispazju uman, l-akkoljenza tal-konfessur.

Page 24: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

24

Post għall-qrar: Minkejja li f’diversi ċirkustanzi fejn ma jistax isir mod ieħor is-Sagrament tal-Qrar jista’ jiġi amministrat kullimkien, il-post ewlieni għandu jkun fil-knisja. Postijiet oħrajn jistgħu ma joffrux l-ambjent addattat għas-Sagrament tal-Qrar, u dan jista jkollu effett negattiv fuq l-istess Sagrament. Il-post tal-qrar idejalment għandu jsir fil-knisja, f’post fejn jintlaħaq faċilment minn kulħadd, u meta jkun fis-sagristija, għandu jkun assigurat li l-post huwa ftit imwarrab għall-privatezza tal-individwu, u biex jgħin iktar fil-mixja interna tal-persuna. Hawnhekk kull parroċċa trid tikkunsidra il-ħtiġijiet tagħha skond l-ispazji li jkollha fil-Knisja. 

atmosfera: L-imkejjen infushom iridu jgħinu lin-nies jidħlu fihom infushom għalhekk l-għamara, id-dwal, il-ħsejjes iridu jkunu magħżula bil-għaqal. Qrara għandha tliet mumenti fundamentali: l-eżami tal-kuxjenza; il-qari tal-Kelma ta’ Alla, l-istqarrija tad-dnubiet; u r-riflessjoni. Importanti għalhekk li l-ambjent li jinħoloq ikun wieħed trankwill. Tajjeb ukoll li jkun hemm għajnuniet għal kif wieħed jista’ jeżamina l-kuxjenza, b’attenzjoni biex l-istess għajnuniet ma jkunux huma stess li jtellfu r-riflessjoni interjuri tal-individwu quddiem Alla, f’aljenazzjonijiet mhux essenzjalment meħtieġa.

Ġranet tal-ftuħ: Il-ħinijiet li fihom iċ-ċentru/post għall-qrar jinfetaħ jiddependi mill-bżonn li juru n-nies u mid-disponibilità tal-konfessuri. Iċ-ċentru għal dan s-sagrament jista’ per eżempju jkun miftuħ kull filgħaxija jew matul il-weekend jew tant ġranet fix-xahar jew meta tasal xi festa partikolari eżempju l-Milied, l-Ewwel tas-Sena u l-Ghid il-Kbir. L-importanti huwa li l-ħinijiet tal-ftuħ ikunu konsistenti; jekk persuna se tfittex li tmur tqerr meta hemm indikat, issib iċ-ċentru jilqagħha. 

disponibilità tal-konfessuri: Is-saċerdoti fl-unità għandhom jgħinu lil xulxin biex iċ-ċentru jilqa’ kemm hemm bżonn persuni. Saċerdoti barra mill-parroċċa, speċjalment dawk fl-istess unità huma mistiedna wkoll. Huwa suġġerit li l-parroċċa toħroġ lista bil-kuntatti tal-konfessuri biex b’hekk il-persuni jkunu jistgħu jagħmlu appuntamenti għal qrar anke barra l-ħinijiet tal-ftuħ taċ-ċentri.

Page 25: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

25

Gwida għall-Għaqdiet“Dawwar wiċċek minn ħtijieti; ħassar ħżuniti kollha. Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija” (Salm 51, 11-12)

Jekk il-parroċċa għandha l-potenzjal li tiftaħ spazji għal qrar, l-għaqdiet huma dawk li kapaċi jwasslu lill-persuni lejn dawn il-postijiet. L-għaqdiet huma diġà f’kuntatt dirett ma’ sezzjoni ta’ żgħażagħ jew adolexxenti u lilhom jistgħu jgħinuhom jifmhu aħjar is-sens tal-qrar permezz ta’ katekeżi. Apparti milli jgħaddu l-idea u s-sinjifikat ta’ dan is-sagrament, il-movimenti u l-għaqdiet huma strumentali biex jinħolqu esperjenzi ta’ qrar – kemm għall-membri kif ukoll għal żgħażagħ oħra.

esperjenza ta’ komunità: Għalkemm il-qrar jesprimi tajjeb ħafna l-intimità bejn Alla u l-individwu, ċelebrazzjonijiet ta’ dan is-sagrament f’komunità għandhom qawwa kbira. Id-diriġenti tal-għaqdiet u movimenti għandhom jagħmlu aktar użu minn ċelebrazzjonijiet penitenzjali. Bis-sostenn ta’ xulxin il-membri jistgħu jiskopru aħjar il-bżonn u s-sbuħija ta’ dan is-sagrament. Din l-esperjenza ta’ komunita` tintlaħaq iktar meta waqt iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali jkun hemm is-Sagrament Espost biex jgħin fit-talb u r-riflessjoni kemm qabel kif ukoll wara li dan is-Sagrament tal-Qrar jiġi amministrat.

flessibilità u kreattività: Iċ-ċelebrazzjonijiet penitenzjali jagħtu lok għal flessibilta` u kreattività fejn iż-żgħażagħ jistgħu jesperjenzaw dan is-sagrament bħala għajn ta’ tiġdid. Minkejja din il-flessibilita` u kreattivita` forsi fejn possibbli wieħed għandu jżomm l-ideja li l-individwu jqerr waqt li jkun għarkubbtejh (pożizzjoni li tgħin fl-istqarrija sinċiera u umli li tkun qed issir fis-Sagrament tal-Qrar). Għalhekk l-interess u t-tħeġġiġ tad-diriġenti huwa fundamentali biex iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali mhux biss tkun parti mill-programmazzjoni tal-għaqda/moviment, imma wkoll li ssir sew, f’esperjenza li toħloq maħfra, fejqan, għaqda u ferħ komunitarju, b’effett iktar sinifikattiv fil-ħajja tal-persuni individwali.

stedina miftuħa: Il-movimenti/gruppi li jkunu akkwistaw din l-esperjenza u l-prattika frekwenti ta’ ċelebrazzjonijiet penitenzjali, jistgħu jkunu wkoll f’pożizzjoni tajba biex joffru din l-opportunità għall-żgħażagħ oħrajn. Ġranet partikolari jistgħu jiġu identifikati biex isiru ċelebrazzjonijiet penitenzjali miftuħin għal kulħadd, bħal per eżempju kull l-aħħar ġurnata tax-xahar.

Page 26: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

26

XI PuntI oħra lI jIstgħu jgħInu:• Tajjeb li dawn is-servizzi jkunu abbinati ma’ żminijiet importanti fil-kalendarju

liturġiku bħall-Avvent u r-Randan. Il-karatteristika penitenzjali ta’ dawn iż-żewġ żminijiet taqbel ferm ma’ dawn is-servizzi. Il-mixja tar-Randan tagħti żmien tajjeb biex l-għaqdiet jiġu f’kuntatt ma’ żgħażagħ ġodda u jgħinuhom jersqu lejn il-qrar. Minflok serje ta’ laqgħat bħala “eżerċizzi tar-Randan”, l-għaqdiet jistgħu joħolqu okkażjonijiet għal qrar, bħal pereżempju ċelebrazzjoni penitenzjali darba fil-ġimgħa matul iż-żmien tar-Randan; jew jiġi organiżżat lejl fejn iċ-ċentru/post għal dan s-sagrament jinżamm miftuħ. L-istess eżerċizzi jistgħu jiċċentraw dwar it-tema tar-rikonċiljazzjoni u jwasslu għas-sagrament tal-qrar. Mumenti oħrajn matul is-sena, bħall-festa tal-patruni; żmien il-Milied u l-bidla tas-sena; jew matul il-vaganzi tas-sajf (għal min jistudja), jistgħu jintużaw b’mod effettiv biex iż-żgħażagħ jgħixu esperjenzi ġenwini u ċelebrattivi tal-qrar.

• Iż-żgħażagħ jistgħu jingħataw l-għażla bejn is-Sagrament tal-Qrar jew barka. Dan jgħin biex kulħadd b’xi mod jew ieħor jiġi qed jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjoni penitenzjali, u fil-kuntatt mas-saċerdot dejjem jista’ jkun hemm kelma ta’ ġid, qari ta’ xi silta mill-Bibbja, talba flimkien, jew sempliċiment stedina biex inħallu l-grazzja ta’ Alla taħdem fl-individwu. Pero’ huwa importanti li jkun ċar li l-maħfra tad-dnubiet issir permezz tas-Sagrament tal-Qrar.

• Importanti wkoll li f’kull ċelebrazzjoni penitenzjali nżommu l-ħames punti tas-Sagrament tal-Qrar distinti u jsegwu; L-ewwel tlieta għandhom isiru

Page 27: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

27

f’atmosfera ta’ talb u bl-użu ta’ siltiet mill-Bibbja: naħseb dnubieti, jiddispjaċini li għamilthom, nitlob lil Alla li ser nagħmel ħilti biex ma nerġax. It-tnejn l-oħra huwa fis-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar) meta nersaq biex nistqarr d-dnubiet quddiem is-saċerdot u nwettaq il-penitenza li tingħata bl-aħjar mod possibbli.

• Forsi tajjeb li wieħed jgħallem ukoll fuq li wieħed ma jistax jaħbi dnub wieħed apposta u tqerr biss dawk li trid int. Dan inaqqas mis-sinċerita` rikjesta mis-sagrament, u b’hekk il-qrara kollha ma tkunx effettiva, minkejja li is-saċerdot ma jkun jaf xejn u xorta jagħti l-assoluzzjoni lill-individwu. Biex inkunu ċari, dan ma japplikax meta ġenwinament wieħed jinsa jistqarr wieħed mid-dnubiet. F’dan il-każ il-Qrara tkun tajba u tgħodd, u d-dnub minsi jinħafer ukoll. Bi prudenza l-individwu għandu jirreferi għalih fil-Qrara li jkun imiss.

• Importanti wkoll li wieħed jgħallem li mal-istqarrija tad-dnubiet, wieħed għandu jinkludi wkoll dawk l-affarijiet tajbin li suppost saru biex wieħed jagħti xhieda bħala nisrani, u dawn ma sarux – hekk imsejħa dnubiet ta’ ommissjoni. Flimkien ma’ dawn wieħed għandu jgħallem ukoll dwar id-dnub soċjali, meta aħna nissieħbu, nikkooperaw jew saħansitra napprovaw u nipperpetwaw strutturi li jwasslu għad-dnub b’mod konxju fis-soċjeta`.

• Tajjeb ukoll li wieħed jgħin lill-individwi fil-proċess meħtieġ tal-preparazzjoni, biex wieħed jasal lejn indiema perfetta. Ma jagħmilx sens li wieħed imur jistqarr id-dnubiet mingħajr indiema, u saħansitra jikkontesta lis-saċerdot dwarhom.

Page 28: Il-Qrar għalina ż-Żgħażagħ

f’dawn il-linji gwida ġbarna diversi punti importanti dwar is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar), kemm fuq dak li huwa l-amministrazzjoni ta’ dan is-Sagrament, kif ukoll fuq idejat u għajnuniet biex inwasslu lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ lejn esperjenza iktar tajba, spiritwalment qawwija u effettiva ta’ dan is-Sagrament. Esperjenza li tgħinhom iħossu u japprezzaw iktar il-maħfra li jirċievu, jimpenjaw ruħhom aktar lejn il-konverżjoni meħtieġa, u jiskopru dejjem iktar il-ferħ nisrani fi ħdan il-komunita` nisranija.

Dawn il-linji gwida jservu wkoll ta’ għajnuna biex isiru laqgħat fejn wieħed jista jiċċara ċertu dubji u mistoqsijiet li l-adolexxenti u ż-żgħażagħ jista jkollhom fuq dan is-Sagrament. B’hekk inkunu nistgħu nħeġġuhom jersqu lejn dan is-Sagrament b’mod regolari. Ngħinuhom biex jersqu jesperjenzaw l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla. Il-grazzja tas-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni (Qrar) dejjem tasal għand l-individwu li jersaq iqerr, iżda b’nuqqas ta’ preparazzjoni u mingħajr stqarrija niedma tad-dnubiet, il-ġid spiritwali jista jkun limitat. Għalhekk nittamaw li dawn il-linji gwida jkunu ta’ informazzjoni utli u għajnuna f’waqtha biex inkomplu naħdmu għall-formazzjoni tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ, b’akkumpanjament mimli mħabba, u b’pass meqjus fil-mixja tal-fidi tagħhom.