priedka 8 novena

4
Ħsieb tat-TMIEN JUM tan-NOVENA Fr. Nicholas Cachia Virtù li tispikka fil-qalb ta’ Marija hija l-imħabba: l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l- oħrajn. Qalb li tkun issawwret mill-Ispirtu ta’ Alla ma tistax ma tkunx hekk, għaliex “Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4, 8). U San Pawl igħidilna li huwa l-Ispirtu s-Santu li jsawwab din l- imħabba fi qlubna (ara Rum 5,5). Kif iħobb Alla? Billi jingħata, billi jkun hemm għal min iħobb. Hija l-imħabba li hemm fil- Misteru tat-Trinità Qaddisa, bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Huwa wkoll il-mod ta’ mħabba li bih Alla jħobb lill-bnedmin. Jidher fil-milja tiegħu fuq is-Salib, fejn Alla magħmul bniedem iħobb sal-aħħar, iħalli li qalbu tkun minfuda b’xabla, biex jurina li qiegħed jagħtina kollox u li qalbu hija kompletament miftuħa għalina biex nidħlu u ngħammru għandu. Il -Papa Benedittu XVI, fl-Enċiklika tiegħu Deus Caritas Est, jistedinna sabiex nibdew mill-ġenb midrud ta’ Ġesù Msallab biex infissru x’inhi l-imħabba. “Meta jibda b’din il- kontemplazzjoni, in-nisrani jsib it-triq għall-għajxien u għall-imħabba tiegħu” (par. 12). Min jaf kemm Marija rriflettiet u ħasbet fuq din l-imħabba ta’ Alla? Min jaf kemm-il darba x- xena tal-ġenb miftuħ ta’ Binha Ġesù telgħet fit-talb tagħha? U hi ħalliet li dan ikun il-mod ta’ mħabba tagħha għal Alla u għall-oħrajn. Hi kienet tipprova tilqa’ din l-imħabba tiegħu b’mod sħih u twieġeb għaliha b’qalbha kollha. Qatt ħadd ma ħabb lil Alla daqs kemm ħabbitu Marija. Qalbha, ħajjitha, ir-realtà kollha tagħha kienet mixgħula b’din l-imħabba. Kollox kien immarkat minn din l-imħabba. Kollox kien għas-servizz ta’ din l-imħabba. Kull ġest, kull kelma ta’ Marija kienu xhieda ta’ din l-imħabba tagħha lejn il-Mulej, Alla tagħha. Il-Kantiku tal-Magnificat, Ruħi tfaħħar il-Kobor tal-Mulej, jurina li fil-qalba ta’ ħajjitha kollha poġġiet lil Alla u l-imħabba tiegħu. Iċ-ċentru ta’ dan il-kantiku nsibuh f’dik l-istqarrija ta’ Marija: “Qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1,49b). Marija “ma qegħditx lilha nnifisha fin-nofs, iżda ħalliet il-post lil Alla li ltaqgħet miegħu fit-talb kif ukoll fil-qadi tal-proxxmu” (Deus Caritas Est, 41). Il-Papa Benedittu XVI jagħmel din ir-riflessjoni fuq il-Madonna li trid tgħinna nifhmu kif aħna wkoll nistgħu nsiru bħal Marija, nisa u rġiel li nħobbu. “Ċertament hija li temmen kif ukoll taħseb bil-fidi skont il-ħsibijiet ta’ Alla u trid skont ir-rieda ta’ Alla, hija ma tistax tkun ħlief mara li tħobb” (par. 41). Inħallu ftit l-immaġinazzjoni tagħna timraħ u naraw l- imħabba ta’ Marija lejn San Ġużepp u lejn Ġesù ... il- kura, il-ħlewwa, l-attenzjoni. Naraw il-qalb tajba u attenta ta’ Marija f’Kana meta ndunat li naqas l-inbid element mill-iżjed importanti f’tieġ Lhudi – u wriet din il-ħtieġa lil Ġesù. Nilmħu din l-imħabba fil- preżenza ta’ Marija taħt is-Salib ta’ Binha Ġesù fejn tibqa’ hemm tħobb u tingħata sal-aħħar.

Upload: zamchar

Post on 20-Jun-2015

295 views

Category:

Documents


1 download

TRANSCRIPT

Page 1: Priedka 8 novena

Ħsieb tat-TMIEN JUM tan-NOVENA

Fr. Nicholas Cachia

Virtù li tispikka fil-qalb ta’ Marija hija l-imħabba: l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-

oħrajn. Qalb li tkun issawwret mill-Ispirtu ta’ Alla ma tistax ma tkunx hekk, għaliex “Alla

huwa mħabba” (1 Ġw 4, 8). U San Pawl igħidilna li huwa l-Ispirtu s-Santu li jsawwab din l-

imħabba fi qlubna (ara Rum 5,5).

Kif iħobb Alla? Billi jingħata, billi jkun hemm għal min iħobb. Hija l-imħabba li hemm fil-

Misteru tat-Trinità Qaddisa, bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Huwa wkoll il-mod ta’

mħabba li bih Alla jħobb lill-bnedmin. Jidher fil-milja tiegħu fuq is-Salib, fejn Alla magħmul

bniedem iħobb sal-aħħar, iħalli li qalbu tkun minfuda b’xabla, biex jurina li qiegħed jagħtina

kollox u li qalbu hija kompletament miftuħa għalina biex nidħlu u ngħammru għandu. Il-Papa

Benedittu XVI, fl-Enċiklika tiegħu Deus Caritas Est, jistedinna sabiex nibdew mill-ġenb

midrud ta’ Ġesù Msallab biex infissru x’inhi l-imħabba. “Meta jibda b’din il-

kontemplazzjoni, in-nisrani jsib it-triq għall-għajxien u għall-imħabba tiegħu” (par. 12).

Min jaf kemm Marija rriflettiet u ħasbet fuq din l-imħabba ta’ Alla? Min jaf kemm-il darba x-

xena tal-ġenb miftuħ ta’ Binha Ġesù telgħet fit-talb tagħha? U hi ħalliet li dan ikun il-mod ta’

mħabba tagħha għal Alla u għall-oħrajn. Hi kienet tipprova tilqa’ din l-imħabba tiegħu b’mod

sħih u twieġeb għaliha b’qalbha kollha. Qatt ħadd ma ħabb lil Alla daqs kemm ħabbitu

Marija. Qalbha, ħajjitha, ir-realtà kollha tagħha kienet mixgħula b’din l-imħabba. Kollox kien

immarkat minn din l-imħabba. Kollox kien għas-servizz ta’ din l-imħabba. Kull ġest, kull

kelma ta’ Marija kienu xhieda ta’ din l-imħabba tagħha lejn il-Mulej, Alla tagħha.

Il-Kantiku tal-Magnificat, Ruħi tfaħħar il-Kobor tal-Mulej, jurina li fil-qalba ta’ ħajjitha

kollha poġġiet lil Alla u l-imħabba tiegħu. Iċ-ċentru ta’ dan il-kantiku nsibuh f’dik l-istqarrija

ta’ Marija: “Qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1,49b). Marija “ma qegħditx lilha nnifisha fin-nofs,

iżda ħalliet il-post lil Alla li ltaqgħet miegħu fit-talb

kif ukoll fil-qadi tal-proxxmu” (Deus Caritas Est, 41).

Il-Papa Benedittu XVI jagħmel din ir-riflessjoni fuq

il-Madonna li trid tgħinna nifhmu kif aħna wkoll

nistgħu nsiru bħal Marija, nisa u rġiel li nħobbu.

“Ċertament hija li temmen kif ukoll taħseb bil-fidi

skont il-ħsibijiet ta’ Alla u trid skont ir-rieda ta’ Alla,

hija ma tistax tkun ħlief mara li tħobb” (par. 41).

Inħallu ftit l-immaġinazzjoni tagħna timraħ u naraw l-

imħabba ta’ Marija lejn San Ġużepp u lejn Ġesù ... il-

kura, il-ħlewwa, l-attenzjoni. Naraw il-qalb tajba u

attenta ta’ Marija f’Kana meta ndunat li naqas l-inbid

– element mill-iżjed importanti f’tieġ Lhudi – u wriet

din il-ħtieġa lil Ġesù. Nilmħu din l-imħabba fil-

preżenza ta’ Marija taħt is-Salib ta’ Binha Ġesù fejn

tibqa’ hemm tħobb u tingħata sal-aħħar.

Page 2: Priedka 8 novena

Mument li fih tispikka din l-imħabba hija ż-Żjara lil qariba tagħha Eliżabetta. Huwa mument

li jurina r-rabta intima li hemm bejn ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u r-relazzjoni tagħna mal-

oħrajn. San Luqa jgħidilna li hekk kif saret taf mingħand l-Anġlu Gabrijel li Eliżabetta kienet

tqila, hi “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Lq 1,39). U hemm tibqa’ “għal tliet xhur”

(1,56), li juri li kien impenn serju u twil, mhux xi ħaġa ta’ malajr. Ma kinitx sempliċement

żjara ta’ kortesija, imma xammret il-kmiem, għinet fil-fatt lil dik li kellha bżonn għajnuna u

attenzjoni partikulari.

Għeżież, dan kollu jrid jgħinna nifhmu aħjar kif aħna għandna nħobbu lill-oħrajn. L-imħabba

vera mhijiex sempliċement sentiment imma trid toħroġ u tibda mill-esperjenza tal-imħabba

ta’ Alla għalina. Alla li hu mħabba jgħallimna dejjem kif għandna nħobbu. X’inhuma l-

karatteristiċi tal-imħabba ta’ Alla? Fit-Testment il-Qadim insibu ritornell li jirritorna diversi

drabi li donnu jrid jiddeskrivilna l-imħabba ta’ Alla għalina. Insibuh l-ewwel darba fil-kuntest

tad-dnub il-kbir tal-poplu ta’ Iżrael, meta dawn bdew iqimu l-għoġol tad-deheb minflok lil

Alla wieħed. Fid-djalogu li Alla kellu ma’ Mosè, Alla deher lil Mosè u nstema’ leħen jgħid:

“Il-Mulej! Il-Mulej! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà”

(Eżod 34, 6). U l-iqsar salm tas-Salterju, is-Salm 117, li aħna nkantaw wara l-Barka

Sagramentali, il-ġnus kollha huma mistednin ifaħhru u jsebbħu lill-Mulej, “għaliex kbira hi t-

tjieba tiegħu magħna, il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem”. Ħniena, tjieba, fedeltà,

mogħdrija, maħfra: dawn kollha huma

l-marka tal-imħabba ta’ Alla għall-

bniedem, għal kull wieħed minna.

Dawn isibu l-qofol u l-milja tagħhom

f’Ġesù Msallab: Alla li huwa fidil,

twajjeb, ħanin, lest li jagħder u jħenn

sal-għotja totali tiegħu nnifsu lilna,

midinbin. Biżżejjed niftakru kemm

Alla jkun ħerqan li jilqagħna fis-

Sagrament tal-Qrar biex jagħtina l-

maħfra tiegħu u jagħtina t-tgħanniqa

kollha mħabba tal-Missier.

Imma ma nistgħux nieqfu hawn. Aħna wkoll, bħal Marija, irridu ngħixu din l-imħabba ta’

Alla mal-oħrajn, ibda min-nies li tgħix magħhom id-dar, kompli għal-kollegi tiegħek fuq il-

post tax-xogħol, u ibqa’ sejjer għall-familjari, ġirien u persuni oħra li niltaqgħu magħhom fil-

ħajja. Espressjoni li dejjem ġagħlitni naħseb u nirrifletti hija din: “Inti qrib ta’ Alla

daqskemm inti qrib tal-iktar persuna ’il bogħod minn qalbek bħalissa”. Tpoġġi sfida kbira

quddiemna, hux vera? Aħseb ftit f’dik il-persuna li tħossha ’l bogħod minn qalbek għal xi

raġuni ... daqshekk inti ’l bogħod mill-Mulej f’dan il-ħin! Hija stedina qawwija ħafna li qed

jagħmlilna l-Mulej permezz ta’ Marija biex nirrikonċiljaw ruħna ma’ xulxin, biex ma

nkomplux iċ-ċiklu ta’ vjolenza imma biex nibda jien billi naħfer, billi nersaq lejn dak li jkun,

anke jekk jien inħossni l-vittma tas-sitwazz joni. Marija tgħallimna l-umiltà u d-disponibiltà.

Kemm nistgħu nkunu ta’ skandlu għall-oħrajn jekk ngħidu li nħobbu lil Alla u nersqu lejh

biex inqimuh, imma mbagħad ma ngħixux din l-imħabba fil-konkret tal-ħajja tagħna! Kemm

tkun kerha jekk jiena nirċievi l-Ewkaristija – Alla li qiegħed jingħata għalija – u jiena ma

Page 3: Priedka 8 novena

ngħixx bħala bniedem li jħobb, li lest jingħata lill-oħrajn, imma forsi nfixkel, noħloq

diffikultajiet u nipprova nkisser lil xi ħadd!

Żmien ilu xi ħadd semmieli fatt ta’ persuna li tieħu sehem fil-quddiesa kull jum u titqarben

imma mbagħad tagħmel il-ħajja mill-iżjed diffiċli għal ħaddieħor, taħtaf lil kull min titkellem

miegħu, trid li dejjem tgħaddi tagħha. Persuna bħal din kemm tagħmilha diffiċli biex tressaq

lill-oħrajn lejn Ġesù! Ma naħsibx li Marija kienet hekk, hux veru?!

U x’inhi t-tentazzjoni tagħna f’dawn il-mumenti? Li nwaħħlu fl-oħrajn! Li t-tort mhux tagħna

imma huma l-oħrajn li jagħmlulna l-ħajja diffiċli. Ovvjament, diversi drabi dan ikun minnu ...

imma mhux dejjem! Mhux l-ewwel darba u tnejn li nkun jien il-problema! U rrid inkun

sinċier u onest biżżejjed innifsi biex ninduna u nħalli l-Kelma ta’ Alla tmissni u tiffurmani

biex tagħmilni nixbaħ iżjed lil Marija, li tixbaħ b’mod sħiħ lil Ġesù. Imma anke meta l-

problema tkun il-persuna l-oħra, jien bħala dixxiplu ta’ Ġesù imsejjaħ biex nibqa’ dejjem

inħobb, biex ngħix il-valuri tal-Evanġelju f’dawn iċ-ċirkustanzi. Il-mistoqsija li tajjeb li

nagħmel lili nnifsi f’mumenti bħal dawn hija: “X’kien jagħmel Ġesù f’mument bħal dan?” U

jien nagħmel hekk ukoll bl-għajnuna tiegħu.

Nhar it-Tnejn li għadda (2 ta’ Settembru 2013), il-Papa Franġisku kellu kelma qawwija ħafna

f’dan ir-rigward li xtaqt ukoll li naqsamha magħkom. Kien qed jitkellem dwar il-mod kif

aħna nitkellmu fuq xulxin u xi kultant ntaqtqu fuq xulxin. Il-Papa qal hekk: “min, f’komunità,

jitkellem kontra ħuh jispiċċa biex ‘ikun irid

joqtlu’”. U jfakkarna f’dak li jgħidilna San

Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu (3,15) li “kull

min jobgħod lil ħuh hu qattiel”. U kompla

jgħidilna l-Papa: “aħna mdorrijin inparlaw

fuq xulxin, inpeċilqu fuq xulxin u sikwit

ndawwru il-komunitajiet tagħna u xi kultant

il-familja tagħna f’‘infern’, fejn tidher din il-

forma ta’ kriminalità li twassal biex ‘noqtlu

lil ħutna b’ilsienna’.” Tgħodd għalija din?

Għandi bżonn naħdem fuqha?

Għeżież, mhux biżżejjed li nqerruhom dawn id-dnubiet u n-nuqqasijiet. Jeħtieġ naħdmu bis-

serjetà fuqhom billi nħallu li l-Kelma ta’ Alla tbiddel lil qalbna minn qalb taż-żonqor għal

qalb tal-laħam li lesta tħobb, taħfer, tagħder, u ma tibqax marbuta ma’ affarijiet tal-passat. Il-

Beata Tereża ta’ Calcutta, li llum (5 ta’ Settembru) qed nagħmlu t-tifkira tagħha tgħidilna:

“Meta inti tiġġudika lill-oħrajn, ma jkollokx ħin tħobbhom”. Għalhekk, itfa’ l-enerġija kollha

fl-imħabba, kif kienet tagħmel Marija u kun int – kif kienet hi – li tibdel l-ambjent li fih tgħix.

Aħjar tixgħel sulfarina ċkejkna milli tisħet id-dlam li tkun fih!

Xi kultant ma jkunx jitlob wisq: tbissima, kelma ta’ kuraġġ, tisma’ b’attenzjoni lil dak li jkun,

xi għajnuna ċkejkna li ma titlobx wisq minnek, ma tgħidx kelma li taf li mhijiex frott l-

imħabba, ma tkomplix ma’ oħrajn li qegħdin ikasbru jew jitkellmu ħażin fuq ħaddieħor.

Imma drabi oħra l-imħabba titlob ħafna iktar sforz u impenn min-naħa tagħna. Tkun qed

titlob li tmut tassew għalik innifsek, għaliex tkun irċevejt xi weġgħa tassew kbira. B’mod

Page 4: Priedka 8 novena

speċjali f’dawn il-mumenti rridu nduru lejn l-Ispirtu s-Santu u nħalluh idewwina hu,

jgħallimna nħobbu u naħfru, idawwar il-weġgħa tal-qalb f’talba ta’ interċessjoni.

Madre Tereża tissuġġerilna mod ieħor li nħoss li jagħmel ħafna sens: ersaq dejjem iżjed qrib

ta’ Marija Ommna, hi li għandha qalbha kollha safja, sabiħa, bla tebgħa; hi li taf tħobb tassew

kif iħobb Alla. Poġġi f’ħoġor il-Madonna dak

kollu li qiegħed itaqqlek f’dan il-mument, il-

ħsibijiet, il-preokkupazzjonijiet, il-weġgħat

tiegħek, id-dnubiet u n-nuqqasijiet tiegħek, it-

taqbid tiegħek fil-ħajja spiritwali. Hekk nibdew

naqsmu magħha r-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù

Msallab u tgħallimna nsiru nixbħuh. Imbagħad,

itlob lil Marija Ommna tisielfek ’il qalbha. San

Efrem kien qal: “Jalla l-ispirtu ta’ Marija ikun

f’kull ruħ biex tagħti glorja lill-Mulej”. B’hekk

nibdew inħobbu, naqdu, nersqu lejn l-oħrajn bil-

qalb ta’ Marija, tant mimlija imħabba u umiltà.

Min jaf x’rivoluzzjoni sseħħ jekk nippermettu li

jiġri dan!

Talba ta’ San Alfons Marija de Liguori

O Verġni bla tebgħa l-iktar qaddisa, o Omm tiegħi, Marija,

lilek li int Omm il-Mulej tiegħi,

ir-Reġina tad-dinja, l-Avukata u t-Tama tagħna,

il-Kenn tal-Midinbin,

għandek niġi jien, li jien l-iktar miskin fost ħafna.

Lilek inqim, o Sultana kbira,

u nirringrazzjak għall-grazzji kollha li tajtni s’issa,

speċjalment li teħlisni mill-infern li jien kont nistħoqq diversi drabi.

Inħobbok, o Sinjura l-iżjed ħelwa, u għall-imħabba li għandi għalik,

inwegħdek li rrid nibqa’ naqdik u nagħmel dak li nista’,

sabiex int tkun maħbuba mill-oħrajn.

Fik inqiegħed it-tamiet kollha tiegħi, saħħti kollha;

ilqagħni bħala qaddej tiegħek u daħħalni taħt il-mant tiegħek,

o Omm ħanina.

U minħabba li int tant qawwija quddiem Alla,

eħlisni minn kull tentazzjoni,

jew ikseb għalija l-qawwa li nirbaħ kull tentazzjoni sal-mewt. Ammen.