l-użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

16
L-Użu tal-Art Agrikola u l-Frammentazzjoni Saviour Vella, Konsulent Agrikolu

Upload: buidiep

Post on 01-Feb-2017

230 views

Category:

Documents


5 download

TRANSCRIPT

Page 1: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

L-Użu tal-Art Agrikola u l-Frammentazzjoni

Saviour Vella, Konsulent Agrikolu

Page 2: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Illum il-ġurnata saret moda - u konvenjenza kbira – li bl-aktar mod simpatiku, insostnu li ma jeżistux problemi. Jekk inti tinsab wiċċ imb wiċċ ma xi diffikulta’, dik mhix problema, imma sfida. Anzi, issa mxejna pass aktar il quddiem u qed ngħidu li, jerġa, dik mhix sfida, imma opportunita’.

Fil-fatt, meta nħarsu sewwa lejn is-sitwazzjoni tal-produzzjoni primarja

tal-ikel f’Malta u Għawdex, insibu li dan is-settur għandu quddiemu diversi problemi li jeħtieġ jirriżolvi, għandu għadd ġmielu ta’ sfidi, kif ukoll għażla ta’ opportunitajiet li mhux ta’ min jiskartahom jew inħalluhom jaħarbulna.

Din il-konferenza għandha l-għan li nidentifikaw u nindirizzaw dawk l-

aspetti u dimensjonijiet ta’ din l-industrija li jeħtieġu interventi jew investiment ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi, umani, jew amministrattivi sabiex ikunu jistgħu jilħqu u jirrealiżżaw il-potenzjal sħih tagħhom. Xi ħaġa li jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna hija li ma nistgħux nibqgħu nindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ dan is-settur, biċċa, biċċa. Ebda intervent jew investiment ma jista jħalli frott bnin jew dejjiemi jekk isir waħdu isolat minn aspetti oħra li jibqgħu traskurati jew li jiġu trattati b’mod differenti u mingħajr koordinament bejnietom.

Page 3: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Illum għażilt li nitkellem dwar xkiel li ilu jhedded is-settur tal-biedja għal snin twal - Il-frammentazzjoni tar-raba’. Hawn diversi definizzjonijiet jew tifsiriet ta’ frammentazzjoni u beħsiebni naċċenna għal diversi forom ta’ frammentazzjoni li qegħdin ifixklu il-kisba ta’ produzjoni ottima fis-settur tal-biedja, iżda l-qofol tal-osservazzjonijiet tiegħi, illum, se jkun fuq il-qsim u tifrik ta’ raba f’porzjonijiet żgħar meta jintiret mill-ulied jew jiġi trasferit b’xi mod lill-persuni differenti. Mhux kulħadd jaqbel li dan huwa ħażin jew li joħloq xkiel għall-produzzjoni effiċjenti ta’ ħxejjex u frott.

Hawn min jemmen li dan mhux bilfors jissarraf fi ħsara jew dannu għall-

biedja. Wara kollox, ir-raba tagħna ilu snin twal jinqasam bejn l-aħwa. Għaliex illum qed nikkunsidraw dan il-fenominu bħala theddida? Mhux il-ħsieb tiegħi li nkun prużuntuz u nipproponi tweġibiet faċli. Anzi

jien ġejt hawn illum aktar biex insaqsi mistoqsijiet li jistgħu jiġu mwieġba biss permezz ta’ diskussjoni fil-workshops. U għandu mnejn xorta waħda ma noħorġu b’ebda tweġiba sodisfaċenti. Jista’ jkun li xorta waħda nkunu ksibna riżultat utli jekk insibu tarf naqblu fuq liema hija il-mistoqsija tajba. Liema mistoqsija tista’ torjentana lejn id-direzzjoni t-tajba.

Page 4: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Per eżempju, il-qsim tar-raba f’biċċiet żgħar tista titqies bħala tendenza mifruxa madwar Malta u Għawdex kollha jew inkella ristretta għal ċerti inħawi?

Tinsab aktar fejn hemm raba saqwi jew anke fejn ir-raba għadu jinħadem

bħala bagħli? Hemm aktar frammentazzjoni fir-raba li huwa propjeta ta’ min jaħdmu jew

inkella fir-raba mqabbel mill-Gvern? Jew minn xi sid ieħor? Waħda mill-mistoqsijiet li rridu nsaqsu lilna nfusna hija jekk il-

frammentazzjoni fiżika tar-raba tissarrafx fi ħsara u theddida fiha inniffisha jew nkella jekk hix tagħmel ħsara biss xħin tiżżewweġ ma fatturi oħra amministrattivi, organizzattivi, u soċjali.

Biex naslu għal konklużjoni meqjusa u siewja, jeħtieġ li neżaminaw dan il-

fenomenu minn lenti li mhux biss tiffoka fuq id-dimensjonijiet tal-għelieqi ta’ pajjiżna iżda wkoll fuq il-fatturi li jidditerminaw il-produttivita’ tal-ħamrija tagħna u l-effiċjenza tal-produzzjoni tagħna flimkien ma limitazzjonijiet oħra.

Page 5: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Ejjew inħarsu daqxejn lejn l-impatt li dan il-fenomenu jħalli fuq il-biedja tagħna.

L-akbar xkiel li għandna biex nipproduċu ħxejjex u frott b’mod kompetittiv ġej minn kombinazzjoni ta’ nuqqas ta’ art biex inkabbru uċuh fuq skala kbira u l-fatt li l-art li għandna hija maqsuma f’ħafna għelieqi żgħar li ma jippermettux użu ta’ makkinarju effiċjenti. Parti minn din il-problema ġejja mill-għamla tal-art għax ħafna għelieqi jinsabu fuq il-ġnub ta’ għoljiet jew fil-widien u huma mtarrġin fi sdieri dojoq. Iżda f’ħafna każi oħra insibu li l-istess bidwi għandu ħafna għelieqi żgħar imxerrdin mhux biss fi bnadi differenti tal-istess raħal iżda adirittura mxerdin fi tlett jew erbgħa irħula. Dan kollu jrendi x-xogħol diffikultuż u jikkawża ħafna ħela ta’ ħin u u ħafna tbatija.

Mhux biss, iżda, minħabba iċ-ċokon ta’ ħafna minn dawn l-għelieqi , ma jkunx jista’ jintuża makkinarju kbir imma l-bidwi jkollu jinqeda b’muturi tal-ħart u makkinarju ieħor addattat għaċ-ċokon tal-għelieqi tagħna li iżda mhuwiex effiċjenti u jieħu ħafna ħin u tbatija.

Page 6: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni
Page 7: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

L-istess tqassim ta’ uċuħ f’ħafna għelieqi mxerrdin f’postijiet differenti u ħafna drabi imbegħdin minn xulxin, jikkawża aktar spejjeż ta’ trasport, xiri ta’ faċilitajiet u attrezzi u aċċessorji duplikati. Fl-istess ħin ikun jinħtieġ aktar tħarbit ta’ art għal skopijiet ta’ mogħdijiet, aċċess, imħażen għad-dugħ, għodod, u materjal, kif ukoll għal kenn mix-xemx u mill-maltemp.

Meta wieħed iqis dawn il-fatturi jinduna kif il-frammentazzjoni

tikkawza tnaqqis serju fl-effiċjenza tal-produzzjoni u għaldaqstant iddajjef il-kompetittivita’ tal-prodott Malti fil-konfront tal-prodott impurtat. Anke jekk nieħdu in kunsiderazzjoni il-fatturi l-oħra li jikkombinaw mal-frammentazzjoni biex irendu il-ħidma tal-bdiewa tagħna nieqsa mill-effiċjenza u kompetittivita’ fis-suq attwali, anke jekk forsi naslu biex nikkonkludu li minghajr il-fatturi l-oħra, il-frammentazzjoni waħedha ma kinetx tkun fattur determinanti fid-dghufija tal-prodott agrikolu Malti fis-suq, xorta waħda jkolna nikkonkludu li , fis-sitwazzjoni li ninsabu llum, fil-kundizzjonijiet tas-suq li l-bidwi Malti jkollu jaħdem u jikkompeti, il-frammentazzjoni tar-raba tikostitwixxi mażżra tqila li qed iżżommu milli jtellaq u jirbaħ.

Page 8: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Hawn min ilu li ntebaħ b’din id-dinamika u għamel minn kollox biex innewtralizza dan l-iżvantaġġ b’kull ma ġie f’idejh. Hawn minn qabad u witta l-art, ġannat għelieqi flimkien – kienu jew ma kienux jgħajtu lilu, radam widien u xagħri, u ħoloq medded ta’ raba li setgħu jiġġeneraw attivita’ agrikola ta’ skala suffiċjenti sabiex tiġġustifika, kummerċjalment, l-investiment meħtieġ għall-irrigazzjoni effiċjenti u ekonomika, u faċilitajiet li jippermettulu li jwettaq il-hidmiet meħtieġa bl-inqas tbatija u bl-inqas ħela ta’ żmien u fl-istess ħin iwassal prodott fis-suq li jikkompeti kemm fil-kwantita’ kif ukoll fil-kwalita’ mal-prodott impurtat – u jwasslu għand il-konsumatur b’mod frisk u bnin.

Iżda ċertament, is-soluzzjoni ma tistax isseħħ b’dan il-mod. Il-problema

tal-frammentazzjoni u ċokon tal-għelieqi ma tistax tingħeleb billi wiehed jikkanibalizza l-għelieqi ta’ ħaddieħor jew ix-xagħri li huwa protett bil-liġi. Is-soluzzjoni trid tkun waħda ekwa – li toffri l-istess opportunita’ lill-bdiewa kollha – trid tkun integrata fis-sistema tal-kadast, fit-titolu li l-bidwi jkollu fuq ir-raba li jaħdem, fuq il-ħlas li jħallas fis-sena bħala qbiela u fil-livell ta’ sigurta’ li jgawdi fuq it-titolu tiegħu.

Page 9: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Dan kollu jrid iseħħ permezz ta’ inizjattiva politika u amministrattiva. Nafu li l-bidwi Malti huwa marbut ħafna mal-art li jaħdem u jsibha bi tqila li jaċċetta trasformazzjoni sħiħa u forsi anke tibdil radikali sabiex ir-raba jkun jista jiġi konsolidat. Żgur li kull forma ta’ proposta ghar-riorganizazzjoni tar-raba bl-iskop ta’ konsolidazzjoni se ssib reżistenza konsistenti. Għaldaqstant jeħtieġ li neżaminaw sewwa mhux biss liema forma ta’ konsolidazzjoni hija l-aktar idonea u l-aktar prattikabbli, iżda wkoll x’forom ta’ inċentivi jistgħu jakkumpanjaw tali skema – jew skemi – sabiex il-bidwi iqis din it-trasfromazzjoni bħala opportunita’ anke jekk tinvolvi taqlib u riorganizazjoni sħieħa.

Jista’ jkun li xħin niflu sewwa s-sitwazjoni u niżnu l-fatti u ngħoddu n-

numri, insibu li, wara kollox, mhix il-frammentazzjoni inniffisha li qed tfixkel il-produttivita’ u l-kapaċita’ kompetittiva, iżda aspetti oħra legali, jew burokratiċi, jew soċjali. Il-forma ta’ frammentazzjoni li ġejja mill-qsim ta’ raba fost ħafna ulied ma tistax tirriżolvi ruħha permezz ta’ konsolidazzjoni. Biex ma tibqax iseħħ , jeħtieġ li jkun hemm att legali li ma jippermettix il-qsim tar-raba u għadaqstant isir arranġament fejn ir-raba jgħaddi kollu għand wieħed jew waħda u l-ulied l-oħra jiġu kompensati mod ieħor fil-wirt.

Page 10: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Hemm bżon anke inħarsu ftit lejn il-frammentazzjoni ta’ raba li tkun ġejja mill-fatt li bidwi wieħed ikun jaħdem raba mqabbel mingħand il-Gvern, raba mqabbel mingħand il-knisja u raba ieħor mingħand xi nobbli jew sinjur ieħor. Dan il-fattur fiħ innifsu iwassal għal frammentazzjoni fiżika minħabba li meta jinqasam ir-raba bejn l-ulied, dawn jinsistu li jkun aktar ekwu jekk imisshom parti mir-raba ta’ kull sid.

Imbagħad jeħtieġ anke li neżaminaw sewwa il-policies differenti li b’xi mod jinfluwenza l-attivita agrikola biex naraw jekk hemmx provedimenti amministrattivi li fihom infushom iġegħlu u jinkuraġixxu lill-bdiewa biex ikomplu jaqsmu r-raba li għandhom f’idejhom f’biċċiet iżgħar. U għall-kuntrarju naraw jekk hemmx lok għal policies aktar pro-attivi li jistgħu jinkuraġixxu lill-bdiewa biex jikkonsolidaw u jgħaqqdu r-raba tagħhom fi ħbula ikbar.

Page 11: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Classification of utilized agricultural parcels per area in the Maltese Islands

Page 12: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Forsi tajjeb li nħarsu daqxejn lejn il-figuri li juruna, fil-fatt, kemm huwa estiż dan il-fenomenu tal-frammentazzjoni. It-tabella li għandna quddiemna turi – bejn wieħed u ieħor – id-daqs tal-għelieqi li qegħdin jinħadmu bħalissa . L-ewwel ringiela turina kemm hemm raba magħmul minn għelieqi li għandhom qies ta’ bejn 100 metru kwadru sa Tomna. Taraw li hemm 34,511 għalqa li fihom inqas minn Tomna u dawn kollha flimkien iwasslu għal madwar 20 ettaru, jiġifieri 20% tar-art agrikola kollha ta’ Malta u Għawdex. Imbagħad hemm aktar minn 26% tar-raba li huwa magħmul minn għelieqi li fihom inqas minn tomnejn kull waħda.

Fil-waqt li anke gżejjer oħrajn fil-Mediterran bħal Sqallija u Sardegna insibu li l-parti l-kbira l-għelieqi jkun fihom madwar 10 ettari, jiġifieri aktar minn mitt Tomna, hawn Malta ghandna biss 6 % biss mill-għelieqi li fihom 10 t-itmiem (ettaru) jew aktar.

Hawn min josserva – u bir-raġun kollu – li Malta hija gżira żgħira u għandha

l-akbar densita’ ta’ popolazjoni tal-Unjoni Ewropea kollha b’madwar 1400 persuna għal kull kilometru kwadru waqt li Sardegna, per eżempju għandha biss 70 persuna għal kull kilometru kwadru. Għaldaqstant, ma tistax tistenna li l-ghelieqi taghna jkunu daqstant kbar. Jerġa’ it-topografija tal-gżejjer Maltin hija tali li ħafna mir-raba kellu litteralment jigi mibni permezz tal-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ li żammew il-ħamrija milli tinġarr mal-ilma tax-xita’.

Page 13: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Hawn min josserva – u bir-raġun kollu – li Malta hija gżira żgħira u għandha l-akbar densita’ ta’ popolazjoni tal-Unjoni Ewropea kollha b’madwar 1400 persuna għal kull kilometru kwadru waqt li Sardegna, per eżempju għandha biss 70 persuna għal kull kilometru kwadru. Għaldaqstant, ma tistax tistenna li l-għelieqi taghna jkunu daqstant kbar. Jerġa’ it-topografija tal-gżejjer Maltin hija tali li ħafna mir-raba kellu litteralment jigi mibni permezz tal-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ li żammew il-ħamrija milli tinġarr mal-ilma tax-xita’.

Iżda dan m’għandux inessina l-fatt li l-frammentazzjoni lil-hinn minn dak li m’għandniex kontroll fuqu - bħad-daqs żgħir ta’ għelieqi mal-ġnub tal-għoljiet u tal-widien – żgur li se tkompli tnaqqas mill-effiċjenza tal-ħidma fir-raba’ u għaldaqstant għandha tiġi evitata bl-aktar mod enerġetiku.

Page 14: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni
Page 15: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Lil hinn mid-drittijiet u l-bżonnijiet tal-bdiewa tagħna, hemm bżonn li nikkunsidraw ukoll il-ħtiġijiet strateġiċi tal-pajjiż f’dak li huwa produzzjoni ta’ ħxejjex, frott, laħam, bajd u ħalib. Gżira żgħira iżolata f’nofs ta’ baħar li huwa magħruf, minkejja ż-żaqq ratba li għandu, kemm jista’ jkollu rasu iebsa, iffullata b’kważi nofs miljun ruħ, ma tistax issir dipendenti fuq importazzjoni tal-ikel. X’jiġri jekk il-maltemp jisfratta l-importazzjoni jew ikun hawn xi inkwiet madwarna li jfixkel il-wasla ta’ provisti minn barra?

Is-sigurta’ tal-ikel hija tant importanti li Malta ma tistax tħalli ir-riżors tal-produzzjoni primarja tal-ikel jitħarbat permezz ta’ sparparjal tar-raba. Huwa importanti li l-kapaċita’ produttiva tal-art agrikola tagħna tinżamm fuq livell ottimu. Fi żminijiet meta l-affarijiet jimxu mingħajr tfixkil, dan ifisser li l-produzzjoni tagħna tkun tista tlaħħaq mal-ħtiġijiet domestiċi tagħna kif ukoll mal-ħtiġijiet tal-industrija tat-turiżmu u tal-iproċessar. U jekk ikun il-każ nistgħu nikkompetu ma ħaddieħor u nesportaw.

Fi żmien il-għawġ , jekk ir-riżorsi produttivi primarji tagħna jkunu mfassla u maniġġjati sewwa, inkunu nistgħu aktar niffaċċjaw is-sitwazzjoni b’ottimiżmu sakemm jgħaddi il-maltemp.

Page 16: L-Użu tal-art agrikola u l-frammentazzjoni

Dawn l-aħħar snin rajna żviluppi konsistenti fil-bini ta’ impjanti ta’ reċiklaġġ u proċessar kemm ta’ skart organiku kif ukoll ta’ ilma rkuprat mid-drenaġġ. Apparti mill-obbligi tagħna li ma nħallux dan il-materjal iniġġeż kemm l-art kif ukoll il-baħar tagħna, dawn il-proċessi se jibdew jipproduċu kwantitajiet konsistenti kemm ta’ ilma tat-tisqijja kif ukoll materjal organiku li jista’ jintuża bħala nutrijent u kundizzjonant għall-ħamrija tagħna. Dawn ir-riżorsi jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-produttivita’ tal-art agrikola tagħna, iżda se jkunu jistgħu jiġu sfruttati biss jekk ir-raba jkun konsolidat.

Dawn kollha huma kunsiderazzjonijiet li għandna bżon nogħmodu sewwa biex inkunu nistgħu nidentifikaw sewwa sewwa fejn jinsab il-qofol tal-problema. Wara kollox, il-frammentazjoni hija problema tal-bidwi jew hija aktar problema amministrattiva? Hija problema propju agrikola li taffetwa l-effiċjenza tal-kultivazzjoni jew hija aktar problema ambjentali? Jista’ jkun li ebda amministrazzjoni ma sabet tarf ta’ din il-problema għax anke l-istrumenti amministrattivi li jistgħu jindirizzaw dan il-fenomenu huma frammentati huma ukoll?