il-kelma tal-president · 2019-11-16 · fiż-Żurrieq għandna x-xorti li nsibu ġawhra ta’...

8

Upload: others

Post on 23-Jan-2020

26 views

Category:

Documents


0 download

TRANSCRIPT

IL-MULEJ SEJĦILHOM BIEX JIDĦLU FIL-FERĦ MA’ SANTA KATARINA V.M. GĦAL DEJJEM.

Membru Publius Farrugia - 9 ta’ Settembru 2014Membru Charles Gauci - 20 ta’ Settembru 2014

Membru Onorarju Michaelangelo Darmanin - 30 ta’ Settembru 2014Membru Carmen Ellul - 2 t’Ottubru 2014

Membru Tereża Abdilla - 31 t’Ottubru 2014Membru Louis Grixti - 6 ta’ Novembru 2014Agħtihom O’Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem.

Għeżież qarrejja

Ma nistax nibda dan il-messaġġ mingħajr ma nirringrazzjakom tal-

parteċipazzjoni tagħkom fil-festa ddedikata lill-Patruna tar-raħal tagħna Santa Katarina Verġni u Martri. Kienet festa kbira li ssemmiet ma’ pajjiżna u żgur li ntoġgħbot mad-dilettanti kollha tal-festi. Dan jimlina b’kuraġġ biex inkomplu naħdmu għas-snin li ġejjin.

Bħalissa ninsabu lkoll ippreparati biex niċċelebraw il-Festa Liturġika ta’ Novembru.

Għalkemm ma tkunx festa kbira daqs dik ta’ Settembru, xorta waħda jkollna numru ta’ attivitajiet marbutin ma’ din il-festa. Nistieden lil kulħadd jingħaqad magħna speċjalment għall-funzjonijiet li jsiru ġewwa l-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq. Bħalissa s-Soċjetà għaddejja wkoll bil-preparamenti biex torganizza l-attivitajiet marbutin ma’ żmien il-Milied.

Filwaqt li għal darb’oħra nirringrazzjakom għall-għajnuna li dejjem toffru lis-Soċjetà nħeġġiġkom biex għas-sena d-dieħla nkomplu naħdmu għall-ġid tas-Soċjetà tagħna.

Grazzi lil kulħadd tal-kontribut tagħkom.

Għal darb’ oħra nilqagħkom għall-edizzjoni li jmiss tan-Newsletter tagħna “Sancta Catharina – Zurricanorum Patrona”, ħarġa numru 60 li tkopri x-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2019 u Jannar u Frar 2020.

Għadna kif esperjenzajna festa oħra mill-isbaħ għad unur il-Patruna tagħna Santa Katarina V.M., kumplimentata mill-kxif tal-monument monumentali fid-daħla tar-raħal tagħna biex ifakkar il-mitejn sena mill-wasla tal-Istatwa artistika tagħna tal-Marjanu. Prosit ħafna lil kulħadd.

Ngħid grazzi lis-Sur Samuel Mercieca talli għaddilna l-poema li segwejna fl-aħħar ħarġiet tan-Newsletter.Nixtieq ukoll nieħu din l-opportunità biex f ’isem il-Bord Editorjali nawgura l-festa liturġika t-tajba lil kulħadd, il-Milied it-Tajjeb liż-Żrieraq kollha u Sena ġdida mimlija risq, hena u paċi.Grazzi. Joseph Saliba - Editur 

Editorjal

Il-Kelma tal-PresidentIs-Sur Philip Schembri

Editur : Joseph SalibaRappreżentant Kumitat Ċentrali: Segretarju, Kevin SchembriArtikolisti:- Vincienne Attard, Jeremy Cachia, Carmel Callus, Richard Farrugia, President Philip Schembri, President Onorarju Karmenu Zerafa.Proof Reading: Vincienne Attard Ritratti: Lara Schembri

IL-MULEJ SEJĦILHOM BIEX JIDĦLU FIL-FERĦ MA’ SANTA KATARINA V.M. GĦAL DEJJEM.

Membru Cristina Camilleri - 26 ta’ Lulju 2019 Membru Rokku Zahra - 08 t’ Awwissu 2019 Membru Katie Spiteri - 18 t’ Ottubru 2019

Agħtihom O’Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem.

Bord Editorjali

Il-President u l-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M.

jawguraw Milied Hieni u sena mimlija risq, paċi u saħħa lil Kulħadd

Ftit informazzjoni dwar ......

Fiż-Żurrieq għandna x-xorti li nsibu ġawhra ta’ Knisja fiċ-ċentru ta’ raħalna, fejn mhux l-ewwel darba li naraw quddiemna opri sbieħ li xi kultant ma nkunux nafu x’jgħidulhom u x’inhi l-funzjoni tagħhom. Fit-tempju tagħna ż-Żrieraq insibu numru ta’ vari proċessjonali sbieħ ħafna fejn fihom tara l-kapaċità tal-iskulturi li skolpewhom. Fost dawn l-istatwi nsibu l-vara tal-Patruna tagħna Santa Katarina V.M.. Fiż-żmien tal-festa jkollna l-opportunità li ngawdu aħjar din il-vara mill-viċin u minn kull angolu.Jekk wieħed iħares lejn il-vara titulari jinnota li din tkun qegħdha fuq il-pedestall li ġeneralment ikun indurat bid-deheb fejn ikollu partijiet minnu deheb ileqq fejn dan jgħidulu ‘imbornir’ u partijiet oħrajn fejn id-deheb ikun matt biex id-disinn joħroġ aktar spjegat. Dan il-pedestall huwa disinn tas-surmast Carmelo Tonna fejn fl-1915 kien ġie indurat mid-Ditta Francesco Coleiro u fl-1993 kien reġa’ ġie indurat mill-induratur Francis Xuereb. Taħt il-pedestall insibu l-bradella fejn din inħadmet mill-injam tal-ġewż. Din hija waħda mill-isbaħ li hawn fil-knejjes tagħna fejn ġiet iddisinjata mill-iskultur famuż Emanuel Buhagiar. Din il-bradella tlestiet fl-1958 u nħadmet ġewwa l-Italja għand id-Ditta Ferdinando Perathoner e Figli ta’ Ortisei f’Bolsano. Din l-opra mill-isbaħ saret fiż-żmien l-Arċipriet Gauci bil-ġenerożità ta’ Alfonso Gauci u martu Ġużeppina mwielda Saydon. Il-bradella hija mżejna bi skultura fina fl-injam u kif ukoll skultura ta’ puttini, rożżetti u mazzettuni fil-bronż. Jekk wieħed iħares sew lejn kull faċċata, din maqsuma fi tlett partijiet, fejn fin-nofs insibu xbieha allegorika ta’ erba’ virtuijiet u fil-ġenb tagħhom insibu qaddisin verġni u martri – kollha maħdumin fil-bronż. Din il-bradella tkun maqsuma fi tnejn – fejn il-biċċa ta’ fuq tissejjaħ ‘bankun’. Din tkun tinqala’ u mwaħħla mal-pedestall u l-vara biex tkun tista’ tinħareġ fil-purċissjoni. F’din il-parti tal-bankun jiddaħħlu erba’ lasti għar-reffiegħa tal-vara filwaqt li f’kull kantuniera jkun hemm persuna oħra bil-forċina sabiex ir-reffiegħa jserrħu l-istatwa fuqhom fid-dawra tal-purċissjoni. Fl-2018, din il-bradella reġgħet ġiet irrestawrata mill-ġdid minn Chev. Charles Schembri u reġa’ ħareġ l-isplendur oriġinali tagħha. Fit-tielet ġurnata tat-tridwu l-istatwa ta’ Santa Katarina V.M. tkompli tiżżejjen bil-kuruna tad-deheb flimkien ma’ oġġetti tad-deheb oħra. Jintramaw ukoll il-gastri tal-fidda – waħda f’kull kantuniera tal-bradella – disinn ukoll ta’ Emanuel Buhagiar bil-ganutell tagħhom flimkien mal-girlanda tal-ganutell fejn il-pedata tal-istatwa. Tajjeb li wieħed josserva dawn l-opri mill-isbaħ u napprezzaw dan il-patrimonju hekk rikk li ħallewlna missirijietna mal-medda taż-żmien.

Il-Kumitat Ċentrali tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. għas-sena amministrattiva 2019/2020 ser ikun iffurmat mill-President Philip Schembri, mill-Viċi President Josef Cachia, mis-Segretarju Kevin Schembri, mit-Teżorier Nicholas Saliba, mid-Direttur Stephen Caruana u mis-Sinjuri membri Mark Agius, Joseph Camilleri, Clint Farrugia, Richard Farrugia, Sheldon Farrugia, Omar Schembri u Charles Tanti.

Referenza: http://www.ilmiklem.com/

Ġedded il-Menswalità tiegħek mas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. għas-sena 2020

Min jixtieq jissieħeb membru ġdid jew iġedded il-menswalità tiegħu jista’ javviċina lis-Segretarju li ser ikun il-Każin il-Ħadd 29 ta' Diċembru 2019

Kif ukoll il-Ħadd 5, 12, 19 u 26 ta' Jannar 2020

minn Vincienne Attard

Festa 2019

Wirt iż-Żurrieq

Din is-sena, l-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju fil-Parroċċa tagħna ħasbet li wara li s-sena li għaddiet irrestawrat l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju, xogħol Karlu Darmanin flimkien ma’ sett bukketti tal-ganutell ġodda għall-istatwa, xogħol ta' Salvina Bugeja, din is-sena kien imiss ir-restawr tal-kwadru sabiħ impitter mill-artist Gianni Vella fl-1922. Dan ir-restawr sar mir-restawrattriċi Amy Sciberras u t-tim tagħha fuq inizjattiva tar-Rettur is-Sur Jack Grixti.

Jekk wieħed imur lura fis-snin isib li l-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju hija waħda anzjana ferm fil-parroċċa tagħna. Din twaqqfet fl-1588. L-ewwel kwadru tal-Madonna tar-Rużarju jissemma’ fil-Viżta Pastorali tal-Isqof Gargallo fl-1592 u jagħti deskrizzjoni ċara tiegħu, però dan il-kwadru m’għandniex tagħrif x’sar minnu. Wara, jissemma’ kwadru sabiħ ieħor tal-Madonna tar-Rużarju, dak tal-pittur magħruf Kav. Mattia Preti fl-1682. Kwadru sabiħ li kien sar bil-ħidma tal-Kappillan Dun Matthiolo Saliba li dan kellu konnessjoni kbira mal-Ordni tal-Kavallieri imma b’xorti ħazina dan spiċċa nqered fit-Tieni Gwerra Dinjija meta bomba tal-ħin waqgħet ġos-sagristija. Tajjeb ngħidu li dan il-kwadru kien spiċċa fis-sagristija meta fil-bidu tas-seklu 20 fiż-żmien il-parrokkat ta’ Dun Manwel Mifsud żmantellaw il-kolonnar u l-prospettivi tal-artali u għamluhom bl-arzelel kif inhuma llum. Għaldaqstant il-pitturi tal-artali spiċċaw fit-tond u dan il-kwadru ta’ Preti ma setax jiġi nkorporat fil-knisja. Din il-pittura kienet tixbah oħra ta’ Mattia Preti li tinsab fil-Knisja ta’ San Duminku f’Taverna, Calabria fl-Italja fejn turi l-Madonna bil-Bambin qegħdin jagħtu l-kuruna tar-rużarju lil San Duminku u lil Santa Katarina ta’ Siena mdawwrin bi 15-il

misteru tar-rużarju. Meta sar dan it-tibdil strutturali, fil-knisja saru żewġ abbozzi għal kwadru ġdid, wieħed tal-artist Giuseppe Cali` u l-ieħor ta’ Gianni Vella. Bla mistenni ġie magħżul l-abbozz ta’ Gianni Vella.

Is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kwadru ta’ Vella juri lill-Madonna b’ Ġesù Bambin

f’ħoġorha; qiegħed jagħti l-kuruna tar-rużarju lil San Duminku ta’

Guzman. Din l-ikonografija hija tipika għall-kwadri tal-Madonna tar-Rużarju. Il-pittura fiha 3 anġli: tnejn minnhom fil-parti ta’ fuq, wieħed qiegħed iżomm l-arpa simbolu tal-misteri tal-Glorja u l-ieħor bil-fjuri li jirrapreżentaw il-misteri tal-Ferħ. Anġlu ieħor din id-darba n-naħa t’isfel tal-pittura jinsab bilqegħda qiegħed iżomm il-kuruna tax-xewk li tirrapreżenta l-misteri tat-Tbatija. Dan l-anġlu b’ħarsa ta’ niket bħal donnu qiegħed iżomm il-kuruna tax-xewk ‘il bogħod minn Ġesù Bambin u ma jħalliehx jaraha.

Wara r-restawr, dan il-kwadru reġa’ libes il-libsa

oriġinali tiegħu, hekk kif kienu rawh iż-Żrieraq kważi mitt sena ilu. Nixtieq nirringrazzja lill-istoriku Żurrieqi – is-sur Anthony Mangion talli għaddieli din l-informazzjoni, l-istess tagħrif li kien irriċerka huwa stess u prepara l-qari tal-inawgurazzjoni tar-restawr ta’ dan il-kwadru fis-7 ta’ Ottubru fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina V.M.

Referenzi:- Attard C., Gianni Vella, The Life and works of a twentieth – century Maltese artist, Midsea Books, Malta, 2013, pp 116, 120.

minn Jeremy CachiaIr-Restawr tal-pittura tal-Madonna tar-Rużarju

Festa 2019

Leonardo Da Vinci 500 mitt sena minn mewtuminn Carmel Callus

F’din il-ħarġa ser nitkellem fuq wieħed mill-aqwa artisti li qatt rat id-dinja. Dan il-persunaġġ barra li kien artist, kien ukoll inġinier, filosofu, poeta, arkitett, mużiċist u bosta attribwiti oħra li jagħmluh ġenju li ħalla patrimonju kbir wara mewtu. Dan il-persunaġġ għalkemm ma kienx ħa xi edukazzjoni għolja irnexxielu jkun il-prekursur ta’ bosta tagħlim , studju u invenzjonijet li l-bniedem li ġie warajh kellu l-ħila jagħmel.

L-aktar li baqa’ magħruf huwa għall- kapolavuri fuq it-tila bħall-Mona Lisa, L-Aħħar Ċena u l-Madonna ta’ fuq il-Blat, li jinsabu fil-Louvre Pariġi, Santa Maria delle Grazie Milan u Louvre Pariġi rispettivament. Barra dawn it-tlett xogħlijiet kellu oħrajn li huma meqjusa bħala kapolavuri. Apparti l-pittura huwa ħalla bosta disinnji u pjanti ta’ mekkaniżmu u inġinerija li minnhom dawk li ġew wara sabuhom t‘ għajnuna f’invenzjoniet bħall-ajruplan u inġenji tal-gwerra. Ħalla wkoll studji u taħżiż fuq l-anatomija tal-ġisem tal-bniedem, fejn fil-pitturi tiegħu wieħed jara l-istudju profond li kien jagħmel qabel jibda jpitter. Hu għamel studji profondi fuq il-ġisem fejn ħalla manuskritti bi tpinġijiet tal-anatomija tal-intern tal-bniedem.

Leonardo Da Vinci twieled nhar il-14 t’April 1452 fir-raħal ta’ Vinci fit-Toskana. Iż-żmien li twieled fih kien l-aqwa żmien tar-Rinaxximent. Qablu kien hemm artisti oħra li ħallew wirt kbir, bħal Giotto, Cimabueu, Botticelli u Fra Angelico. Hu beda jitħarreġ fil-bottega tal-pittur Verrochio ġewwa Firenze. Din il-belt kienet il-benniena tal-artisti Taljani tar-Rinaxximent.

F’din il-bottega tħarrġu artisti oħra bħal Botticelli, Ghirlandaio u Perugino, li tlieta kienu inflwenzaw lil Leonardo. Fil-bidu tal-karriera tiegħu fl-1466, miet l-iskultur Donatello li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa skulturi u modellatur fil-bronż. Donatello kien ta’ influenza kbira fuq Leonardo, speċjalment fejn jidħol xogħol ta’ mmudellar ta’ statwi ekwestri. Ta’ għoxrin sena sar mastru fil-fratellanza ta’ San Luqa, li fiha kienet tiġbor il-pitturi u tobba. Minn hawn ‘il quddiem il-karriera mxiet b’pass mgħaġġel. L-Italja, ħames mitt sena ilu kienet maqsuma f’bosta stati u dukati, fosthom l-Stati Papali. Il-Papa kien l-akbar patrun tal-arti, fejn l-artisti rinomati ta’ dak iż-żmien kienu jagħmlu minn kollox biex jiksbu kummissjonijiet fil-bosta knejjes u palazzi fil-Vatikan.

Id-dukati, renji u stati li l-Italja kienet maqsuma fihom kien ikollhom gwerer kontra xulxin kif ukoll kienu jimpikaw min kien ser ikollu l-aqwa artisti biex isebbħu l-knejjes u l-palazzi tagħhom. Leonardo ħadem mal-familja Medici, li kienet familja sinjura u potenti, li provditlu bosta kummissjonijiet. Ħadem ukoll ma’ Ludovico Sforza, Duka ta’ Milan. Barra x-xogħol artistiku huwa kien jiġi mqabbad fuq xogħol ta’ inġinerija militari fil-gwerer li kienu jseħħu bejn stat u ieħor. Minħabba dawn il-gwerer,

Leonardo kien ikollu jiċċaqlaq minn post għal ieħor.

Fl-1515 il-Franċiżi invadew Milan, fejn Leonardo kien qiegħed jgħix. Ir-Re Franġisku I ta’ Franza ħadu miegħu biex ikun l-artist tiegħu. Hu qatta’ l-aħħar snin ta’ ħajtu fi Franza fejn kien jgħix f’dar ħdejn il-Palazz tar-Re, f’Chateau d Amboise. Huwa miet nhar it-2 ta’ Mejju 1519 fl-età ta’ 67 sena. Huwa jinstab midfun fil-knisja ta’ Saint Florentin f’Chateau D Amboise.

Il-Mona Lisa li tinsab fil-Louvre Pariġi hija l-aktar kwadru illi jmorru nies biex jarawha. Dan il-kwadru li huwa żgħir fid-daqs huwa wieħed mill-aktar xogħlijiet magħrufa mhux biss ta’ Leonardo, imma tal-arti tal-pittura ta’ kull żmien. Ix-xogħol ta’ Leonardo Da Vinci jingħaraf minn ta’ artisti li ġew fi żmienu, bħal Michelangelo u Raffaello. Qablu u warajh ġew bosta artisti kbar li kollha kellhom l-istil tagħhom, imma Leonardo da Vinci baqa’ wieħed mill-kbar nett .

Inċiżjoni li turi xbieha ta’

Mona Lisa 1505, Louvre

Mona Lisa 1505, Louvre

Statwa ta’ l-Leonardo Da Vinci fil-faċċata tal-mużew Uffizi

Firenze.

Tpinġijiet t’inġinerija u anatomija.

L-Aħħar Ċena 1498, Santa Maria degli Angeli, Milan

Mit-Tlieta 19 ta’ Novembru sal-Ħamis 21 ta’ Novembru 2019Fis-7.15p.m. - Tlitt ijiem ta’ Riflessjonijiet fuq Santa Katarina V.M. fis-Sala Espedita Deguara tal-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M. immexxija mill-W.R. Kanonku Dun Dillon Bugeja, Viċi-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Katarina taż-Żejtun

Il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru 2019 – Jum id-DevotiFis-6.00p.m.: Quddiesa għall-Kumitat, Sotto Kumitati, Bandisti, Membri, Benefatturi tas-Soċjeta’, devoti ta’ Santa Katarina V.M. u dawk kollha li jaħdmu b’risq il-Festa Titulari. Din il-Quddiesa ser tkun b’suffraġju tal-Vittmi tal-Post tan-Nar, u tas-Surmastrijiet Carmelo Zammit (b’tifkira tal-100 sena mill-mewt tiegħu), Espedito Deguara (b’tifkira tal-25 sena mill-mewt tiegħu) u Francis Falzon. Din il-Quddiesa ser tkun animata mill-Banda Santa Katarina V.M. u mill-Kor Parrokjali Cantate Domino.

Fis-7.30p.m. High Tea fil-Każin organizzat mis-Sotto Kumitat Nisa

Is-Sibt 23 ta’ Novembru 2019Fis-2.00p.m. –Party għat-Tfal organizzat mis-Soċjeta’ ġewwa l-Bar tal-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M. animat minn 4teenth Productions. Dħul b’xejn.

Il-Ħadd 24 ta’ Novembru 2019Fit-8.00a.m. u f’nofsinhar – Ħruq ta’ murtali tal-Bomba u Murtaletti

Membri tas-Soċjeta’ sejrin jieħdu sehem fil-Fun Run tal-President organizzata b’risq l-Istrina minn Santa Venera sal-Belt Valletta. Fid-9.00a.m. jitlaq it-trasport minn quddiem il-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M. Biljetti għat-trasport jinkisbu mill-Bar tal-Każin.

Fil-5.30p.m. Matul it-Tranżulazzjoni jinħaraq Nar maħdum mill-Membri tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. fis-St. Catherine Fireworks Factory.

It-Tnejn 25 ta’ Novembru 2019Fit-8.00a.m. u f’nofsinhar – Ħruq ta’ murtali tal-Bomba u Murtaletti

F’Nofs inhar - Ikla Tradizzjonali tal-Festa organizzata mis-Sotto Kumitat Nar fil-Każin Fis-5.45p.m. tqegħid ta’ kuruna tar-rand fuq il-Monument ta’ Santa Katarina V.M. f’Misraħ ir-Repubblika mill-membri tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. li jibqgħu sejrin fil-knisja għall-Quddiesa kantata.

Fis-7.30p.m. Ħarqa ta’ Nar tal-Ajru Spettakolari maħdum mis-Soċi fis-St. Catherine Fireworks Factory.

Fit-8.30p.m. il-Banda Santa Katarina V.M. tagħmel marċ minn Triq il-Kbira sa Misraħ ir-Repubblika mmexxija mis-Surmast Josef Grech

Preżentazzjoni ta’ TrabiNhar is-Sibt 23 ta’ Novembru, fl-Aħħar Tridu tal-Festa Liturġika tal-Patruna tagħna Santa Katarina V.M., waqt il-Quddiesa ta’ filgħaxija ser issir il-Preżentazzjoni ta’ Trabi u Tfal lil Santa Katarina. Dawk il-ġenituri li jixtiequ jippreżentaw lit-tfal tagħhom lill-Patruna tagħna huma mitluba jinkitbu fis-Sagristija tal-Knisja jew fl-Uffiċju Parrokjali. Jingħata ċertifikat ta’ Tifkira.

Mill-Kalendarju tas-Soċjeta’ Mużikali Santa Katarina V.M.5 ta’ Diċembru 2019 Il-Banda Santa Katarina V.M. iddoqq ġewwa Bormla fl-okkażjoni tal-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni11 ta’ Diċembru 2019 Breakfast organizzat mis-Sotto Kumitat Nisa12 ta’ Diċembru 2019 Ikla fil-Każin organizzata mis-Sotto Kumitat Nar14 ta’ Diċembru 2019 Kunċert tal-Milied mill-Piccola Banda Santa Katarina V.M. fil-Każin 15 ta’ Diċembru 2019 Is-Sotto Kumitat Kultura jorganizza Ħarġa għall-Pantomina bl-isem ’Ħax-Xjuħ’25 ta’ Diċembru 2019 Marċ tal-Milied mill-Banda Santa Katarina V.M. fl-okkażjoni ta’ Jum il-Milied26 ta’ Diċembru 2019 Party tal-Milied għat-Tfal fil-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M.27 ta’ Diċembru 2019 Festin tal-Milied għall-Anzjani fil-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M.28 ta’ Diċembru 2019 Christmas Dinner Dance organizzat mis-Soċjeta’ Mużikali Santa Katarina V.M.31 ta’ Diċembru 2019 Get together tal-Aħħar tas-sena organizzat mis-Sotto Kumitat Nar10 ta’ Jannar 2020 High Tea fil-Każin organizzat fil-Każin mis-Sotto Kumitat Nisa22 ta’ Jannar 2020 Coffee Morning organizzat mis-Sotto Kumitat Nisa7 ta’ Frar 2020 High Tea fil-Każin organizzat mis-Sotto Kumitat Nisa19 ta’ Frar 2020 Coffee Morning organizzat mis-Sotto Kumitat Nisa

Nota:- L-attivitajiet jistgħu jinbidlu, jiżdiedu jew jitħassru, għalhekk nistednukom issegwu l-paġna tagħna ta’ Facebook u tisimgħu Radju Santa Katarina fuq il-frekwenza 90.6FM

Festa Liturġika – Santa Katarina V.M.Programm mis-Soċjetà Mużikali Santa Katarina

It-23 t’ Awwissu 2019 ser tibqa’ mmarkata fl-istorja ta’ raħalna meta fil-preżenza ta’ bosta Żrieraq u devoti ta’ Santa Katarina V.M., persuni distinti u oħrajn assistejna għall-inawgurazzjoni tal-Monument fid-daħla taż-Żurrieq. Il-President ta’ Malta l-Eċċ. Tiegħu Dr. George Vella u s-Sinjura tiegħu onorawna bil-preżenza tagħhom u inawguraw din l-opra l-ġdida filwaqt li l-Wisq Rev. Arċisqof Emeritus ta’ Malta Mons. Pawlu Cremona bierek dan il-monument. Dan il-Monument sar bl-inizjattivà tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. u bil-ġenerożità ewlenija tas-sur Manwel Zahra (ta’ Vaxxella).

Inħatar sotto kumitat tal-Monument fi ħdan is-Soċjetà sabiex tibda titwettaq din il-ħolma. Wara li ġew il-permessi nbeda x-xogħol fuqu b’aktar motivazzjoni u b’ ritmu mgħaġġel. Tajjeb ngħidu li waqt din il-fażi tal-permessi sibna diversi ostakli minn persuni li ma stennejnihiex minnhom imma bl-għajnuna t’ Alla u ta’ Santa Katarina V.M. għelibna kull ostaklu. Ġie deċiż sabiex il-monument isir fuq stil klassiku – stil li jintegra mar-raħal antik taż-Żurrieq u huwa stil li jintgħoġob minn ħafna. Wara li lestejna d-disinni, il-pjanti neċessarji u l-grandimenti kollha mal-pedestall, bdejna naħdmu biex jibda jinħadem fl-irħam ‘Bianco Carrara’ – irħam li jinħadmu bih ħafna monumenti rikki ta’ kull żmien. Fl-ewwel tentattiv tagħna ma’ kumpanija tal-irħam ma kellniex riżultati pożittivi u x-xogħol ma kienx ta’ livell mixtieq u għalhekk erġajna bdejna kollox mill-bidu. Indaħlet għall-proġett tal-irħam il-kumpanija Halmann Vella Ltd. u x-xogħol kien tal-ogħla livell. Aħna avviċinajna lill-artist Għawdxi Adonai Camilleri Cauchi u ħejjielna l-abbozz tal-istatwa ta’ Santa Katarina V.M u dan intlaqa’ tajjeb ħafna. Wara ħafna taħditiet ikkonkludejna sabiex il-bronż kollu jsir ġewwa Ruma fil-kumpanija Domus Dei. Ix-xogħol tal-bronż kien jikkonsisti fl-istatwa kollha, l-iskultura tal-iskudetti bl-emblemi tal-Qaddisa, skultura oħra tal-mensoli b’ simboli relatati mal-Parroċċa tagħna u l-fjuri li hemm fil-vażuni fil-parti ta’ fuq tal-pedestall. Ma naqasx li nitilgħu Ruma biex insegwu l-proċess mill-qrib u x-xogħol li kien qiegħed isir - ikun ta’ kwalità għolja bil-għajnuna ta’ esperti varji f’kull qasam. L-istatwa kollha flimkien ma’ xi dettalji fil-lavur u ċertu partijiet tal-iskultura ġew imberflin u ndurati bid-deheb – 24 karat mill-induratur Żurrieqi s-sur Francis Xuereb flimkien mat-tim tiegħu. Dan il-Monument artisitiku xtaqnieh jirrapreżenta l-Parroċċa taż-Żurrieq ddedikata lil Santa Katarina V.M. Il-post li għażilna fejn twaqqaf dan il-monument huwa post ideali għax jitgawda minn ħafna toroq arterjali. L-għan prinċipali hu li l-istatwa ta’ Santa Katarina V.M. tkun tħares lejn iż-Żurrieq bħalha l-Omm li tbierek u tipproteġi lil uliedha kollha lejl u nhar.

Din l-opra saret fl-okkażjoni tal-200 sena mill-wasla fostna tal-vara titulari ta’ Santa Katarina V.M. imma l-aktar biex inkomplu nuru l-qima u l-imħabba tagħna ż-Żrieraq lejn il-Patruna tagħna. Din il-Qaddisa li missirijietna għażluha tkun il-protettriċi tar-raħal sabiħ taż-Żurrieq sa mill-qedem. Ejjew nitolbu lil Santa Katarina V.M. tkompli tbierek iż-Żurrieq u l-abitanti tiegħu kollha u tgħannaq magħha lill-antenati tagħna li dejjem xtaqu jaraw dan il-Monument fid-daħla taż-Żurrieq u llum m’għadhomx magħna.

Design & Printing: Tel: 21250994/3 Design & Printing: Tel: 21250994/3